Maltese
A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z

Filgrastim Hexal (filgrastim) – Fuljett ta’ tagħrif - L03AA02

Updated on site: 06-Oct-2017

Isem tal-MediċinaFilgrastim Hexal
Kodiċi ATCL03AA02
Sustanzafilgrastim
ManifatturHexal AG

Fuljett ta’ tagħrif: Informazzjoni għall-utent

Filgrastim HEXAL 30 MU/0.5 ml soluzzjoni għall-injezzjoni jew infużjoni f’siringa mimlija għal-lest

Filgrastim HEXAL 48 MU/0.5 ml soluzzjoni għall-injezzjoni jew infużjoni f’siringa mimlija għal-lest

Filgrastim

Aqra sew dan il-fuljett kollu qabel tibda tuża din il-mediċina peress li fih informazzjoni importanti għalik

-Żomm dan il-fuljett. Jista’ jkollok bżonn terġa’ taqrah.

-Jekk ikollok aktar mistoqsijiet, staqsi lit-tabib, lill-ispiżjar jew l-infermier tiegħek.

-Din il-mediċina ġiet mogħtija lilek biss. M’għandekx tgħaddiha lil persuni oħra. Tista’ tagħmlilhom il-ħsara, anki jekk ikollhom l-istess sinjali ta’ mard bħal tiegħek.

-Jekk ikollok xi effett sekondarju kellem lit-tabib, lill-ispiżjar jew l-infermier tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju possibbli li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Ara sezzjoni 4.

F’dan il-fuljett:

1.X’inhu Filgrastim HEXAL u għalxiex jintuża

2.X’għandek tkun taf qabel ma tuża Filgrastim HEXAL

3.Kif għandek tuża Filgrastim HEXAL

4.Effetti sekondarji possibbli

5.Kif taħżen Filgrastim HEXAL

6.Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra

1.X’inhu Filgrastim HEXAL u gћalxiex jintuża

Filgrastim HEXAL hu fattur tat-tkabbir taċ-ċelluli tad-demm bojod (fattur li jistimula kolonji ta’ granuloċiti) u jappartjeni għal grupp ta’ proteini msejħa cytokines. Fatturi tat-tkabbir huma proteini li jsiru b’mod naturali fil-ġisem iżda jistgħu wkoll isiru bl-użu tal-bijoteknoloġija għall-użu bħala mediċina. Filgrastim HEXAL jaħdem billi jinkoraġġixxi l-mudullun biex jipproduċi iktar ċelluli bojod tad-demm.

Tnaqqis fin-numru ta’ ċelluli tad-demm bojod (newtropenija) jista’ jseħħ għal diversi raġunijiet u dan jagħmel lil ġismek inqas kapaċi biex jiġġieled kontra l-infezzjonijiet. Filgrastim HEXAL jistimula l-mudullun biex jipproduċi ċelluli bojod ġodda malajr.

Filgrastim HEXAL jista’ jintuża:

biex iżid in-numru ta’ ċelluli tad-demm bojod wara l-kura bil-kimoterapija biex jgħin fil-prevenzjoni tal-infezzjonijiet;

biex iżid in-numru ta’ ċelluli tad-demm bojod wara a trapjant tal-mudullun biex jgħin fil-prevenzjoni tal-infezzjonijiet;

qabel kimoterapija b’doża għolja biex twassal għall-mudullun biex jipproduċi iktar ċelluli staminali li jistgħu jinġabru u jingħataw lura lilek wara l-kura tiegħek. Dawn jistgħu jittieħdu mingħandek jew mingħand donatur. Iċ-ċelluli staminali mbagħad imorru lura ġol-mudullun u jipproduċu ċelluli tad-demm;

biex iżidu n-numru ta’ ċelluli tad-demm bojod jekk inti tbati minn newtropenija kronika severa biex jgħinu fil-prevenzjoni tal-infezzjonijiet;

f’pazjenti b’infezzjoni avvanzata tal-HIV, u dan se jgħin fil-prevenzjoni tal-infezzjonijiet.

2.X'għandek tkun taf qabel ma tuża Filgrastim HEXAL

Tużax Filgrastim HEXAL

-jekk inti allerġiku għal filgrastim jew għal xi sustanza oħra ta’ din il-mediċina (elenkati fis-sezzjoni 6)

Twissijiet u prekawzjonijiet

Kellem lit-tabib, lill-ispiżjar jew lill-infermier tiegħek qabel tuża Filgrastim HEXAL.

Oqgħod attent ħafna b’Filgrastim HEXAL jekk qatt kellek reazzjoni allerġika għal-latex.

Jekk jogħġbok avża lit-tabib tiegħek qabel tibda l-kura jekk għandek:

-l-osteoporożi (mard tal-għadam);

-anemija taċ-ċelluli sickle għax Filgrastim HEXAL jista’ jikkawża kriżijiet taċ-ċelluli sickle.

Jekk jogħġbok għid lit-tabib tiegħek minnufih waqt kura b’Filgrastim HEXAL, jekk inti:

-ikollok uġigħ ta’ żaqq (addominali) fuq in-naħa tax-xellug fil-parti ta’ fuq, uġigħ taħt il-qafas ta’ sidrek fin-naħa tax-xellug jew fit-tarf tal-ispalla tax-xellug tiegħek [dawn jistgħu jkunu sintomi ta’ tkabbir tal-milsa (splenomegalija), jew possibbilment ta’ ftuq tal-milsa],

-tinnota fsada jew tbenġil mhux normali [dawn jistgħu jkunu sintomi ta’ tnaqqis fl-għadd ta’ plejtlits tad-demm (tromboċitopenija) b’abilità mnaqqsa li d-demm tiegħek jagħqad],

-ikollok sinjali għal għarrieda ta’ allerġija bħal raxx, ħakk jew ħorriqija fuq il-ġilda, nefħa tal-wiċċ, xufftejn, ilsien jew partijiet oħrajn tal-ġisem, qtugħ ta’ nifs, tħarħir jew problemi biex tieħu n-nifs, għax dawn jistgħu jkunu sinjali ta’ reazzjoni allerġija severa.

-ikollok nefħa f’wiċċek jew fl-għekiesi, demm fl-awrina tiegħek jew awrina ta’ lewn kannella jew tinnota li tgħaddi awrina inqas mis-soltu.

Telf ta’ rispons għal filgrastim

Jekk ikollok telf ta’ rispons jew ma jirnexxilekx iżżomm rispons bil-kura ta’ filgrastim, it-tabib tiegħek se jinvestiga r-raġunijiet għal dan, li jinkludu jekk inti żviluppajtx antikorpi li jinnewtralizzaw l-attività ta’ filgrastim.

It-tabib tiegħek jista’ jkun irid jimmonitorjak mill-qrib, ara sezzjoni 4 tal-fuljett ta’ tagħrif.

Jekk inti pazjent b’newtropenija kronika severa utista’ tkun f’riskju li tiżviluppa kanċer tad-demm (lewkimja, sindromi majelodisplastiċi [MDS]. Għandek tkellem lit-tabib tiegħek dwar ir-riskji tiegħek li tiżviluppa kanċer tad-demm u x’testijiet għandhom isiru. Jekk tiżviluppa jew x’aktarx li se tiżviluppa kanċers tad-demm, m’għandekx tuża Filgrastim HEXAL, sakemm ma tingħatax istruzzjonijiet oħra mit-tabib tiegħek.

Jekk inti donatur ta’ ċelluli staminali, inti jrid ikollok bejn 16 u 60 sena.

Oqgħod attent b’mod partikolari meta jintużaw prodotti oħrajn li jistimolaw il-produzzjoni ta’ ċelluli bojod tad-demm.

Filgrastim HEXAL huwa wiehed mill-grupp ta’ prodotti li jistimolaw il-produzzjoni ta’ ċelloli bojod tad-demm. Il- professjonist tiegħek fil-qasam tas saħħa għandu dejjem iżomm nota’ tal-prodott partikolari li qed tuza.

Mediċini oħra u Filgrastim HEXAL

Għid lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek jekk qiegħed tieħu, ħadt dan l-aħħar jew tista’ tieħu xi mediċina oħra.

Tqala u treddigħ

Filgrastim HEXAL ma ġiex ittestjat f’nisa tqal jew li kienu qed ireddgħu.

Hu importanti li tgħid lit-tabib tiegħek jekk inti:

tqila;

taħseb li tista tkun tqila; jew

jew qed tippjana li jkollok tarbija.

Jekk toħroġ tqila matul il-kura b’Filgrastim HEXAL, jekk jogħġbok informa lit-tabib tiegħek.

Ħlief jekk it-tabib tiegħek jgħidlek biex tagħmel mod ieħor, inti trid tieqaf tredda’ jekk tuża Filgrastim HEXAL.

Sewqan u tħaddim ta’ magni

Filgrastim HEXAL m’għandux jaffettwal-ħila tiegħek biex issuq u tħaddem magni. Madankollu, hu rakkomandat li tistenna u tara kif tħossok wara li tieħu Filgrastim HEXAL u qabel ma ssuq jew tħaddem xi makkinarju.

Filgrastim HEXAL fih sorbitol

Filgrastim HEXAL fih sorbitol (E420), jekk it-tabib tiegħek qallek li għandek reazzjoni għal xi tipi ta’ zokkor, ikkuntattja lit-tabib tiegħek qabel tieħu dan il-prodott mediċinali.

3.Kif gћandek tuża Filgrastim HEXAL

Dejjem għandek tuża din il-mediċina skont il-parir eżatt tat-tabib tiegħek. Dejjem għandek taċċerta ruħek mat-tabib jew mal-ispiżjar tiegħek jekk ikollok xi dubju.

Kif jingħata Filgrastim HEXAL u kemm għandi nieħu?

Filgrastim HEXAL normalment jingħata bħala injezzjoni ta’ kuljum fit-tessut li jkun immedjatment taħt il-ġilda (magħrufa bħala injezzjoni taħt il-ġilda). Jista’ jingħata wkoll bħala injezzjoni ta’ kuljum ġol-vini (magħrufa bħala infużjoni ġol-vini). Id-doża normali tvarja skont il-marda u l-piż tiegħek. It-tabib tiegħek se jgħidlek kemm għandek Filgrastim HEXAL.

Pazjenti li jkollhom trapjant tal-mudullun wara kimoterapija:

Normalment tirċievi l-ewwel doża tiegħek ta’ Filgrastim HEXAL mill-inqas 24 siegħa wara l-kimoterapija tiegħek u mill-inqas 24 siegħa wara li tirċievi t-trapjant tal-mudullun tiegħek.

Inti, jew in-nies li jieħdu ħsiebek, tista’ tiġi mgħallem kif tagħti injezzjonijiet taħt il-ġilda biex tkun tista’ tkompli l-kura tiegħek id-dar. Madankollu, m’għandekx tipprova dan ħlief jekk l-ewwel tkun ġejt imħarreġ kif suppost mill-professjonist fil-qasam tas-saħħa tiegħek.

Għal kemm żmien se jkolli nieħu Filgrastim HEXAL?

Int se jkollok bżonn tieħu Filgrastim HEXAL sakemm l-għadd taċ-ċelluli tad-demm bojod tiegħek ikun normali. Sejrin isirulek testijiet tad-demm biex jiġi mmonitorjat in-numru ta’ ċelluli tad-demm bojod f’ġismek. It-tabib tiegħek se jgħidlek kemm għandek iddum tieħu Filgrastim HEXAL.

Użu fit-tfal

Filgrastim HEXAL jintuża għall-kura t-tfal li jkunu qed jirċievu kimoterapija jew li jbatu minn għadd baxx sever ta’ ċelluli tad-demm bojod (newtropenija). Id-dożaġġ fit-tfal li jirċievu kimoterapija huwa l-istess bħal dak tal-adulti.

Jekk tuża Filgrastim HEXAL aktar milli suppost

Iżżidx id-doża li t-tabib tiegħek ikun tak. Jekk taħseb li tkun injettajt aktar milli suppost, ikkuntattja lit-tabib tiegħek immedjatament.

Jekk tinsa tuża Filgrastim HEXAL

Jekk tkun insejt tieħu injezzjoni, jew injettajt ftit wisq, ikkuntattja lit-tabib tiegħek immedjatament. M’għandekx tieħu doża doppja biex tpatti għal kull doża li tkun insejt tieħu.

Jekk għandek aktar mistoqsijiet dwar l-użu ta’ din il-mediċina, staqsi lit-tabib, lill-ispiżjar jew l-infermier tiegħek.

4.Effetti sekondarji possibbli

Bħal kull mediċina oħra, din il-mediċina tista’ tikkawża effetti sekondarji, għalkemm ma jidhrux f’kulħadd.

Jekk jogħġbok għid lit-tabib tiegħek immedjatament matul il-kura:

jekk ikollok reazzjoni allerġika li tinkludi dgħufija, tnaqqis fil-pressjoni tad-demm, diffikultà biex tieħu n-nifs, nefħa tal-wiċċ (anafilassi), raxx tal-ġilda, raxx bil-ħakk (urtikarja), nefħa tal-wiċċ u tax-xufftejn, tal-ħalq, tal-ilsien jew tal-gerżuma (anġjoedema) u qtugħ ta’ nifs (dispneja). Sensittività eċċessiva hi komuni f’pazjenti bil-kanċer;

jekk ikollok sogħla, deni u diffikultà biex tieħu n-nifs (dispneja) għax dan jista’ jkun sinjal ta’

Sindrome ta’ Problemi Respiratorji Akuti (ARDS - Acute Respiratory Distress Syndrome). ARDS mhuwiex komuni f’pazjenti bil-kanċer;

jekk ikollok uġigħ fin-naħa ta’ fuq ta’ żaqqek (uġigħ addominali) fuq ix-xellug, uġigħ taħt il-kustilji tax-xellug jew uġigħ fit-tarf ta’ spallejk, għax jista’ jkun hemm problema fil-milsa tiegħek [tkabbir tal-milsa (splenomegalija) jew ftuq tal-milsa].

jekk qed tirċievi kura għal newtropenija kronika severa u għandek demm fl-awrina (ematurija). It-tabib tiegħek jista’ jittestja l-awrina tiegħek b’mod regolari jekk ikollok dan l-effett sekondarju jew jekk tinstab il-proteina fl-awrina tiegħek (proteinurija).

jekk ikollok xi wieħed minn dawn li ġejjin jew kombinazzjoni ta' l-effetti sekondarji li ġejjin:

-nefħa jew nef, li jistgħu jkunu assoċjati ma’ mogħdija ta-ilma inqas frekwenti, diffikultà biex tieħu nifs, nefħa addominali u sensazzjoni ta’ milja, u sensazzjoni ġenerali ta' għeja. Dawn is-sintomi ġeneralment jiżviluppaw b'mod rapidu.

Dawn jistgħu jkunu sintomi ta' kundizzjoni mhux komuni (tista’ taffettwa sa 1 minn kull 100 persuna) tissejjaħ "sindromu ta' tnixxija tal-kapillari" li tikkawża demm li jnixxi mill-vini ż-żgħar f’ġisemek u teħtieġ attenzjoni medika urġenti.

jekk ikollok ħsara fil-kliewi (glomerulonefrite). Ħsara fil-kliewi kienet osservata f’pazjenti li rċevew filgrastim. Ċempel lit-tabib tiegħek minnufih jekk ikollok nefħa f’wiċċek jew fl- għekiesi, demm fl-awrina tiegħek jew awrina ta’ lewn kannella jew tinnota li tgħaddi awrina inqas mis-soltu.

Effett sekondarju frekwenti ħafna tal-użu ta’ filgrastim hu wġigħ fil-muskoli jew fl-għadam tiegħek (uġigħ muskoloskeletriku), li jista’ jkun megħjun billi tieħu mediċini standard għas-serħan mill-uġigħ (analġeżiċi). F’pazjenti li jkun qed isirilhom trapjant ta’ ċelluli staminali jew tal-mudullun, tista’ sseħħ Graft versus Host Disease – din hi reazzjoni taċ-ċelluli tad-donatur kontra l-pazjent li jkun qed jirċievi t-trapjant; sinjali u sintomi jinkludu raxx fuq il-pali ta’ jdejk jew fil-qiegħ ta’ saqajk u ulċeri u feriti fil-ħalq, fl-imsaren, fil-fwied, fil-ġilda jew fl-għajnejn, fil-pulmun, fil-vaġina u fil-ġogi tiegħek. Xi ħaġa li tidher b’mod komuni ħafna fid-donaturi normali taċ-ċelluli staminali hi ż-żieda fiċ-ċelluli tad-demm bojod (lewkoċitożi) u tnaqqis tal-plejtlits li jnaqqas il-kapaċità tad-demm li jagħqad (tromboċitopenija), dawn se jiġu mmonitorjati mit-tabib tiegħek.

Effetti sekondarji komuni ħafna (jistgħu jaffettwaw iktarminn 1 minn kull 10 persuni li jieħdu Filgrastim HEXAL)

f’pazjenti bil-kanċer

tibdil fil-kimika tad-demm

żieda ta’ ċerti enzimi fid-demm

tnaqqis fl-aptit

uġigħ ta’ ras

uġigħ f’ħalqek u fil-griżmejn (uġigħ orofarinġeali)

sogħla

dijarea

rimettar

stitikezza

dardir

raxx fil-ġilda

telf jew nuqqas mhux tas-soltu ta’ xagħar (alopeċja)

uġigħ fil-muskoli jew fl-għadam (uġigħ muskoloskeletriku)

dgħufija ġeneralizzata (astenja)

għeja (għeja kbira)

dulur u nefħa tal-kisja tal-apparat diġestiv li hemm mill-ħalq sal-anus (infjammazzjoni fil-mukuża)

qtugħ ta’ nifs (dispneja)

uġigħ

f’donaturi normali ta’ ċelluli staminali

tnaqqis tal-plejtlits li jnaqqas il-ħila tad-demm li jagħqad (tromboċitopenija)

żieda fiċ-ċelluli tad-demm bojod (lewkoċitożi)

uġigħ ta’ ras

uġigħ fil-muskoli u fl-għadam (uġigħ muskoloskeletriku)

f’pazjenti b’newtropenija kronika severa

tkabbir tal-milsa (splenomegalija)

għadd baxx ta’ ċelluli tad-demm ħomor (anemija)

tibdil fil-kimika tad-demm

żieda ta’ ċerti enzimi fid-demm

uġigħ ta’ ras

tinfaraġ (epistassi)

dijarea

tkabbir tal-fwied (epatomegalija)

raxx tal-ġilda

uġigħ fil-muskoli u fl-għadam tiegħek (uġigħ muskoloskeletriku)

uġigħ fil-ġogi (artralġja)

f’pazjenti bl-HIV

uġigħ fil-muskoli jew fl-għadam (uġigħ muskoloskeletriku)

Effetti sekondarji komuni (jistgħu jaffettwaw sa 1 minn kull 10 persuna li jieħdu Filgrastim HEXAL)

f’pazjenti bil-kanċer

reazzjoni allerġika (sensittività eċċessiva għall-mediċina)

pressjoni baxxa tad-demm (ipotensjoni)

uġigħ meta tagħmel l-awrina (disurija)

uġigħ fis-sider

tisgħol id-demm (emoptisi)

f’donaturi normali ta’ ċelluli staminali

żieda ta’ ċerti enzimi fid-demm

qtugħ ta’ nifs (dispneja)

tkabbir tal-milsa (splenomegalija)

f’pazjenti b’newtropenija kronika severa

ftuq tal-milsa

tnaqqis tal-plejtlits li jnaqqas il-ħila tad-demm li jagħqad (tromboċitopenija)

tibdil fil-kimika tad-demm

infjammazzjoni tal-vini jew arterji fil-ġilda (vaskulite tal-ġilda)

telf jew nuqqas mhux tas-soltu ta’ xagħar (alopeċja)

marda li tikkawża li l-għadam isir inqas dens, u tagħmlu iktar dgħajjef, iktar fraġli u x’aktarx li jinkiser (osteoporożi)

demm fl-awrina (ematurja)

uġigħ fis-sit tal-injezzjoni

ħsara lill-filtri ż-żgħar ġol-kliewi tiegħek (glomerulonefrite)

f’pazjenti bl-HIV

tkabbir tal-milsa (splenomegalija)

Effetti sekondarji mhux komuni (jistgħu jaffettwaw sa 1 minn kull 100 persuna li jieħdu Filgrastim HEXAL)

f’pazjenti bil-kanċer

ftuq tal-milsa

tkabbir tal-milsa (splenomegalija)

uġigħ sever fl-għadam, fis-sider, fl-imsaren jew fil-ġogi (kriżi taċ-ċelluli sickle)

rifjutt tal-mudullun ittrapjantat (Graft versus Host Disease)

uġigħ u nefħa tal-ġogi, simili għal gotta (psewdogotta)

infjammazzjoni severa tal-pulmun li tikkawża diffikultà biex tieħu n-nifs (sindrome ta’ problemi repiratorji akuta)

il-pulmun ma jaħdimx kif suppost, u jikkawża qtugħ ta’ nifs (insuffiċjenza respiratorja)

nefħa u/jew fluwidi fil-pulmun (edema pulmonari)

infjammazzjoni tal-pulmun (mard interstizjali tal-pulmun)

x-rays anormali tal-pulmun (infiltrazzjoni tal-pulmun)

feriti mtellgħa ’l fuq ta’ kulur l-għanbaqar u bl-uġigħ fuq id-dirgħajn/riġlejn u xi kultant fil-wiċċ u fl-għonq, flimkien ma’ deni (is-sindrome ta’ Sweet)

infjammazzjoni tal-vini jew arterji fil-ġilda (vaskulite tal-ġilda)

aggravament ta’ artrite rewmatojde

tibdil mhux tas-soltu fl-awrina

uġigħ

ħsara tal-fwied ikkawżata mill-imblukkar tal-vini ż-żgħar fil-fwied (mard venookklużiv)

ħruġ ta’ demm mill-pulmun (emorraġija pulmonari)

tibdil ta’ kif ġismek jirregola l-fluwidi f’ġismek, li jista’ jirriżulta f’nefħa

ħsara lill-filtri ż-żgħar ġol-kliewi tiegħek (glomerulonefrite)

f’donaturi normali ta’ ċelluli staminali

ftuq fil-milsa

uġigħ sever fl-għadam, fis-sider, fl-imsaren jew fil-ġogi (kriżi taċ-ċelluli sickle)

reazzjonijiet allerġiċi għal għarrieda li jistgħu jkunu fatali (reazzjoni anafilattika)

tibdil fil-kimika tad-demm

ħruġ ta’ demm fil-pulmun (emorraġija pulmonari)

tisgħol id-demm (emoptisi)

x-rays anormali tal-pulmun (infiltrazzjoni tal-pulmun)

nuqqas ta’ assorbiment ta’ ossiġnu fil-pulmun (ipoksija)

żieda ta’ ċerti enzimi fid-demm

aggravament ta’ artrite rewmatojde

ħsara lill-filtri ż-żgħar ġol-kliewi tiegħek (glomerulonefrite)

f’pazjenti b’newtropenija kronika severa

uġigħ sever fl-għadam, fis-sider, fl-imsaren jew fil-ġogi (kriżi taċ-ċelluli sickle)

proteina eċċessiva fl-awrina (proteinurija)

f’pazjenti bl-HIV

uġigħ sever fl-għadam, fis-sider, fl-imsaren jew fil-ġogi (kriżi taċ-ċelluli sickle)

Effetti sekondarji bi frekwenza mhux magħrufa (ma tistax tittieħed stima mid-data disponibbli):

ħsara lill-filtri ż-żgħar ġol-kliewi tiegħek (glomerulonefrite)

Rappurtar tal-effetti sekondarji

Jekk ikollok xi effett sekondarju, kellem lit-tabib, lill-ispiżjar jew l-infermier tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Tista’ wkoll tirrapporta effetti sekondarji direttament permezz tas-sistema ta’ rappurtar nazzjonali imniżżla f’Appendiċi V. Billi tirrapporta l-effetti sekondarji tista’ tgħin biex tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar is-sigurtà ta’ din il-mediċina.

5.Kif taħżen Filgrastim HEXAL

Żomm din il-mediċina fejn ma tidhirx u ma tintlaħaqx mit-tfal.

Tużax din il-mediċina wara d-data ta’ meta tiskadi li tidher fuq il-kartuna fuq it-tikketta tas-siringa wara EXP. Id-data ta’ meta tiskadi tirreferi għall-aħħar ġurnata ta’ dak ix-xahar.

Aħżen fi friġġ (2°C - 8°C).

Żomm is-siringa mimlija għal-lest fil-kartuna ta’ barra sabiex tilqa’ mid-dawl.

Iffriżar aċċidentali mhux se jagħmel ħsara lil Filgrastim HEXAL.

Is-siringa tista’ titneħħa minn ġol-friġġ u titħalla f’temperatura ambjentali tal-kamra għal perijodu wieħed li ma jdumx aktar minn 72 siegħa (imma mhux aktar minn 25°C). Fi tmiem dan il-perijodu, il-prodott m’għandux jitqiegħed fil-friġġ, u għandu jintrema.

Tużax din il-mediċina jekk tinnota tibdil fil-kulur, li s-soluzzjoni tkun imċajpra jew ikun fiha l-frak. Il-likwidu għandu jkun ċar u bla kulur sa ftit safrani.

Tarmix mediċini mal-ilma tad-dranaġġ jew mal-iskart domestiku. Staqsi lill-ispiżjar tiegħek dwar kif għandek tarmi mediċini li m’għadekx tuża. Dawn il-miżuri jgħinu għall-protezzjoni tal-ambjent.

6.Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra

X’fih Filgrastim HEXAL

-Is-sustanza attiva hi filgrastim.

Filgrastim HEXAL 30 MU/0.5 ml soluzzjoni għall-injezzjoni jew infużjoni f’siringa mimlija għal-lest: Kull siringa mimlija għal-lest fiha 30 MU ta’ filgrastim f’0.5 ml li jikkorrispondi għal 60 MU/ml.

Filgrastim HEXAL 48 MU/0.5 ml soluzzjoni għall-injezzjoni jew infużjoni f’siringa mimlija għal-lest: Kull siringa mimlija għal-lest fiha 48 MU ta’ filgrastim f’0.5 ml li jikkorrispondi għal 96 MU/ml.

-Is-sustanzi l-oħra huma glutamic acid, sorbitol (E420), polysorbate 80 u ilma għall-injezzjonijiet.

-L-għatu tal-labra tas-siringa jista’ jkun fih gomma xotta (latex).

Kif jidher Filgrastim HEXAL u l-kontenut tal-pakkett

Filgrastim HEXAL hu soluzzjoni ċara u bla kulur jew kemm kemm safra għall-injezzjoni f’siringa mimlija għal-lest.

Filgrastim HEXAL hu disponibbli f’pakketti li fihom 1, 3, 5 jew 10 siringi mimlija għal-lest b’labra tal-injezzjoni bi jew mingħajr protezzjoni tas-sigurtà tal-labra.

Jista’ jkun li mhux il-pakketti tad-daqsijiet kollha jkunu fis-suq.

Detentur tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq

HEXAL AG

Industriestrasse 25

D-83607 Holzkirchen

Il-Ġermanja

Fax: + 49 8024 908-1290

E-mail: service@hexal.com

Manifattur

Sandoz GmbH

Biochemiestrasse 10

A-6250 Kundl

L-Awstrija

Għal kull tagħrif dwar din il-mediċina, jekk jogħġbok ikkuntattja lir-rappreżentant lokali tad-Detentur tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq:

België/Belgique/Belgien, България, Česká republika, Danmark, Deutschland, Eesti, España,

Finland, France, Hrvatska, Ireland, Ísland, Italia, Κύπρος, Latvija, Lietuva, Luxembourg/Luxemburg, Magyarország, Malta, Nederland, Norge, Österreich, Polska, Portugal, România, Slovenija, Slovenská republika, Suomi, Sverige, United Kingdom:

Hexal AG

Ελλάδα:

Novartis (Hellas) A.E.B.E. Τηλ: +30 210 281 17 12

Dan il-fuljett kien rivedut l-aħħar f’{XX/SSSS}

Informazzjoni dettaljata dwar din il-mediċina tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini: http://www.ema.europa.eu/.

-------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------

Struzzjonijiet dwar kif tinjetta lilek innifsek

Din is-sezzjoni fiha tagħrif dwar kif għandek tagħti injezzjoni ta’ Filgrastim HEXAL lilek innifsek.

Huwa importanti li ma tippruvax tinjetta lilek innifsek ħlief jekk tkun ingħatajt taħriġ speċjali mingħand it-tabib jew l-infermiera tiegħek. Filgrastim HEXAL hu pprovdut bi jew mingħajr protezzjoni tas-sigurtà tal-labra, u t-tabib jew l-infermiera tiegħek ser juruk kif tużaha. Jekk m’intix ċert/a dwar kif tinjetta, jew jekk ikollok xi mistoqsijiet, jekk jogħġbok staqsi it-tabib jew l-infermiera tiegħek biex jgħinuk.

1.Aħsel idejk.

2.Neħħi siringa waħda mill-pakkett u neħħi l-għatu protettiv minn fuq il-labra tal-injezzjoni. Is-siringi huma mnaqqxa bi ċrieki tal-gradwazzjoni sabiex jippermettu l-użu parzjali jekk ikun meħtieġ. Kull ċirku tal-gradwazzjoni jikkorrispondi għal volum ta’ 0.1 ml. Jekk ikun meħtieġ użu parzjali tas-siringa, neħħi s-soluzzjoni mhux mixtieqa qabel l-injezzjoni.

3.Naddaf il-ġilda fis-sit tal-injezzjoni billi tuża tajjara bl-alkoħol.

4.Ifforma tiwja fil-ġilda billi toqros il-ġilda bejn is-saba’ l-kbir u s-saba’ l-werrej.

5.Daħħal il-labra ġot-tiwja tal-ġilda b’azzjoni mgħaġġla u soda. Injetta s-soluzzjoni ta’ Filgrastim HEXAL taħt il-ġilda kif urik it-tabib tiegħek. Dejjem għandek taċċerta ruħek mat-tabib jew mal-ispiżjar tiegħek jekk ikollok xi dubju.

Siringa mimlija għal-lest mingħajr protezzjoni tas-sigurtà tal-labra

6.Filwaqt li żżomm dejjem il-ġilda tiegħek maqrusa, agħfas il-planġer bil-mod u b’mod konsistenti.

7.Wara li tinjetta l-likwidu, neħħi l-labra u l-erħi l-ġilda.

8.Poġġi s-siringa użata fir-reċipjent għar-rimi. Uża kull siringa għal injezzjoni waħda biss.

Siringa mimlija għal-lest bi protezzjoni tas-sigurtà tal-labra

6.Filwaqt li żżomm il-ġilda tiegħek maqrusa, agħfas il-planġer bil-mod u b’mod konsistenti sakemm id-doża kollha tkun ingħatat u l-planġer ma jkunx jista’ jingħafas iktar. Ibqa agħfas il-planġer!

7.Wara li tinjetta l-likwidu, neħħi l-labra filwaqt li tkompli tagħfas il-planġer, u mbagħad erħi l-ġilda tiegħek.

8.Erħi l-planġer. Il-protezzjoni tas-sigurtà tal-labra ser tiċċaqlaq malajr biex tgħatti l-labra.

9.Armi kwalunkwe prodott mhux użat jew materjal għall-iskart. Uża biss kull siringa għal injezzjoni waħda.

-------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------

It-tagħrif li jmiss qed jingħata biss għall-professjonisti fil-qasam mediku:

Is-soluzzjoni għandha tiġi eżaminata viżwalment qabel l-użu. Għandhom jintużaw biss soluzzjonijiet li jkunu ċari u mingħajr partikuli. L-espożizzjoni aċċidentali għal temperaturi taħt iż-żero mhux ser taffettwa b’mod negattiv l-istabbiltà ta’ Filgrastim HEXAL.

Minħabba r-riskju possibbli ta’ kontaminazzjoni mikrobjali, is-siringi b’Filgrastim HEXAL jintużaw darba biss.

L-għatu tal-labra tas-siringa jista’ jkun fih gomma xotta (latex), li m’għandux jintmess minn persuni li huma sensittivi għal din is-sustanza.

Dilwizzjoni qabel l-għoti (mhux tabilfors)

Jekk ikun meħtieġ, Filgrastim HEXAL jista’ jiġi dilwit f’soluzzjoni ta’ 50 mg/ml (5%) ta’ glucose. Filgrastim HEXAL m’għandux jiġi dilwit b’soluzzjonijiet ta’ sodium chloride.

Id-dilwizzjoni għal konċentrazzjoni finali ta’ < 0.2 MU/ml (2 μg/ml) mhijiex rakkomandata fi kwalunkwe ħin.

Għal pazjenti kkurati b’filgrastim dilwit għal konċentrazzjonijiet ta’ < 1.5 MU/ml (15 μg/ml), l-albumina tas-serum uman (HSA) għandha tiġi miżjuda għal konċentrazzjoni finali ta’ 2 mg/ml.

Eżempju: F’volum finali 20 ml, dożi totali ta’ filgrastim inqas minn 30 MU (300 μg) għandhom jingħataw ma’ soluzzjoni ta’ 0.2 ml ta’ albumina tas-serum uman (Ph. Eur.) 200 mg/ml (20%).

Meta jkun dilwiti f’soluzzjoni ta’ 50 mg/ml (5%) ta’ glucose, filgrastim hu kompatibbli mal-ħġieġ u ma’ varjetà ta’ plastiks li jinkludu polyvinylchloride, polyolefin (copolymer ta’ polypropylene u polyethylene) u polypropylene.

Wara d-dilwizzjoni: L-istabbiltà kimika u fiżika waqt l-użu tas-soluzzjoni dilwita għall-infużjoni ntweriet għal 24 siegħa f’temperatura ta’ bejn 2°C sa 8°C. Mill-aspett mikrobijoloġiku, il-prodott għandu jintuża immedjatament. Jekk ma jintużax immedjatament, iż-żmien tal-ħażna waqt l-użu u l-kundizzjonijiet ta’ qabel l-użu huma r-responsabbiltà tal-utent, u normalment ma jkunux itwal

minn 24 siegħa f’temperatura ta’ 2°C sa 8°C, ħlief jekk id-dilwizzjoni ma tkunx saret f’kundizzjonijiet asettiċi kkontrollati u vverifikati.

Kif tuża s-siringa mimlija għal-lest bi protezzjoni tas-sigurtà tal-labra

Il-protezzjoni tas-sigurtà tal-labra tgħatti l-labra biex jiġi evitat korriment ikkawżat mit-tingiż tal-labra. Dan ma jaffettwax l-operat normali tas-siringa. Agħfas il-planġer bil-mod u b’mod konsistenti sakemm id-doża kollha tkun ingħatat u l-planġer ma jkunx jista’ jingħafas iktar. Filwaqt li tkompli tagħfas il-planġer, neħħi s-siringa mill-pazjent. Il-protezzjoni tas-sigurtà tal-labra ser tgħatti l-labra meta terħi l-planġer.

Kif tuża s-siringa mimlija għal-lest mingħajr protezzjoni tas-sigurtà tal-labra

Agħti d-doża skont il-protokoll standard.

Rimi

Kull fdal tal-prodott li ma jkunx intuża jew skart li jibqa’ wara l-użu tal-prodott għandu jintrema kif jitolbu l-liġijiet lokali.

Kummenti

A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z
  • Għajnuna
  • Get it on Google Play
  • Dwar
  • Info on site by:

  • Presented by RXed.eu

  • 27558

    Drogi ta’ preskrizzjoni elenkati