Maltese
A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z

Gliolan (5-aminolevulinic acid hydrochloride) – Sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott - L01XD04

Updated on site: 07-Oct-2017

Isem tal-MediċinaGliolan
Kodiċi ATCL01XD04
Sustanza5-aminolevulinic acid hydrochloride
ManifatturMedac GmbH

1.ISEM IL-PRODOTT MEDIĊINALI

Gliolan 30 mg/ml trab għal soluzzjoni orali.

2.GĦAMLA KWALITATTIVA U KWANTITATTIVA

Kunjett wieħed fih 1.17 g ta’ 5-aminolevulinic acid (5-ALA), li jikkorrispondi għal 1.5 g ta’ 5-aminolevulinic acid hydrochloride (5-ALA HCl).

1 ml ta’ soluzzjoni rikostitwita fih 23.4 mg ta’ 5-ALA, li jikkorrispondu għal 30 mg 5-ALA HCl).

3.GĦAMLA FARMAĊEWTIKA

Trab għal soluzzjoni orali.

It-trab huwa kejk abjad għal offwajt.

4.TAGĦRIF KLINIKU

4.1Indikazzjonijiet terapewtiċi

Gliolan huwa indikat f’pazjenti adulti għall-wiri ta’ tessut malinn waqt operazzjoni għal glijoma malinna (WHO grad III u IV).

4.2Pożoloġija u metodu ta’ kif għandu jingħata

Dan il-prodott mediċinali għandu jintuża biss minn newrokirurgi ta’ esperjenza familjari mal-kirurġija ta’ glijomi malinni u għarfien profond tal-anatomija funzjonali tal-moħħ li jkunu temmew b’suċċess kors fil-kirurġija iggwidata bil-fluworexxenza.

Pożoloġija

Id-doża rakkomandata hija ta’ 20 mg ta’ 5-ALA HCl għal kull kilogramm ta’ piż tal-ġisem.

Pazjenti b’indeboliment tal-kliewi jew tal-fwied

Ma sarux provi fuq pazjenti b’indeboliment klinikament rilevanti tal-fwied jew tal-kliewi. Għalhekk, dan il-prodott mediċinali għandu jintuża b’kawtela f’tali pazjenti.

Pazjenti anzjani

M’hemm l-ebda struzzjonijiet speċjali għall-użu f’pazjenti anzjani b’funzjoni regolari tal-organi

Popolazzjoni pedjatrika

Is-sigurtà u l-effikaċja ta’ Gliolan fit-tfal u adoloxxenti minn età 0 sa 18 snin ma ġewx determinati s’issa. Dejta mhux disponibbli.

Metodu ta’ kif għandu jingħata

Is-soluzzjoni għandha tingħata b’mod orali tliet sigħat (fuq medda ta’ 2-4 sigħat) qabel l-anestesija. L-użu ta’ 5-ALA taħt kundizzjonijiet differenti minn dawk użati fil-provi kliniċi jinvolvi riskju mhux determinat.

Prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu qabel tmiss il-prodott mediċinali jew qabel tagћti l-prodott mediċinali

Għal struzzjonijiet fuq ir-rikostituzzjoni tal-prodott mediċinali qabel l-amministrazzjoni, ara sezzjoni 6.6.

4.3Kontraindikazzjonijiet

Sensittività eċċessiva għas-sustanza attiva jew poryphyrins.

Tipi akuti jew kroniċi ta’ poryphyria.

Tqala (ara sezzjoni 4.6 u 5.3).

4.4Twissijiet speċjali u prekawzjonijiet għall-użu

Il-fluworexxenza tat-tessut tal-moħħ indotta mill-5-ALA ma tipprovdix informazzjoni dwar il- funzjoni newroloġika preżenti tal-moħħ. Għalhekk, ir-risezzjoni ta’ tessut fluworexxenti għandha tiġi evalwata bir-reqqa kontra l-funzjoni newroloġika tat-tessut fluworexxenti.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali f’pazjenti b’tumur fil-viċinanza immedjata ta’ funzjoni newroloġika importanti u nuqqasijiet fokali diġà eżistenti (eż. afasja, disturbi tal-vista u paresi) li ma jmorrux għall-aħjar b’kura bil-kortikosterojdi. Ir-risezzjoni ggwidata bil-fluworexxenza f’dawn il- pazjenti nstab li timponi riskju akbar ta’ nuqqasijiet newroloġiċi kritiċi. Għandha tinżamm distanza ta’ sigurtà ta’ mill-anqas 1 ċm minn żoni kortikali elokwenti jew strutturi subkortikali indipendentement mil-livell ta’ fluworexxenza.

Fil-pazjenti kollha b’tumur fil-viċinanza ta’ funzjoni newroloġika importanti, għandhom jintużaw miżuri qabel jew waqt l-operazzjoni sabiex tiġi lokalizzata dik il-funzjoni relattiva għat-tumur biex jinżammu d-distanzi ta’ sigurtà.

Wara l-għoti ta’ dan il-prodott mediċinali, l-esponiment tal-għajnejn u tal-ġilda għal sorsi tad-dawl qawwija (eż. mixegħla ta’ waqt l-operazzjonijiet, dawl tax-xemx dirett jew dawl ta’ ġewwa ffukat b’mod qawwi) għandu jiġi evitat għal 24 siegħa. L-għoti ma’ sustanzi oħra potenzjalment fototossiċi (eż. tetracyclines, sulfonamides, fluoroquinolones, estratti ta’ hypericin) għandu jiġi evitat (ara wkoll sezzjoni 5.3).

Sa 24 siegħa wara li jingħata, prodotti mediċinali oħra li jistgħu jagħmlu ħsara lill-fwied għandhom jiġu evitati.

F’pazjenti b’mard kardjovaskulari diġà eżistenti, dan il-prodott mediċinali għandu jintuża b’kawtela billi r-rapporti fil-letteratura wrew tnaqqis fil-pressjoni sistolika u l-pressjoni dijastolika tad-demm, fil-pressjoni sistolika u l-pressjoni dijastolika tal-arterja pulmonari kif ukoll reżistenza vaskulari pulmonarja.

4.5Interazzjoni ma’ prodotti mediċinali oħra u forom oħra ta’ interazzjoni

Il-pazjenti m’għandhomx ikunu esposti għal xi sostanza ta’ fotosensitizzar sa ġimagħtejn wara l-għoti ta’ Gliolan.

4.6Fertilità, tqala u treddigħ

Tqala

M’hemmx dejta jew hemm dejta limitata dwar l-użu ta’ 5-ALA f’nisa tqal. Xi studji limitati fuq bhejjem jissuġġerixxu attività tossika fil-fetuta’ 5-ALA flimkien ma’ esponiment għad-dawl (ara sezzjoni 5.3). Għalhekk, Gliolan m’għandux jingħata waqt it-tqala.

Treddigħ

Mhux magħruf jekk 5-ALA jew il-metabolit tiegħu protoporphyrin IX (PPIX) jiġix eliminat mill-ħalib tas-sider tal-bniedem. L-eliminazzjoni ta’ 5-ALA jew ta’ PPIX fil-ħalib ma ġietx studjata fil-bhejjem. It-treddigħ għandu jiġi interrott għal 24 siegħa wara t-trattament b’dan il-prodott mediċinali.

Fertilità

M’hemmx dejta disponibbli dwar l-influwenza ta’ 5-ALA fuq il-fertilità.

4.7Effetti fuq il-ħila biex issuq u tħaddem magni

Mhux rilevanti, fuq il-ħila biex issuq u tħaddem magni.

4.8Effetti mhux mixtieqa

Sommarju tal-profil tas-sigurtà

Ir-reazzjonijiet avversi li kienu osservati wara l-użu ta’ dan il-prodott mediċinali għar-risezzjoni ta’ glijoma ggwidata bil-fluworexxenza huma mqassmin fiż-żewġ kategoriji li ġejjin:

-reazzjonijiet immedjati li jseħħu wara l-għoti mill-ħalq tal-prodott mediċinali qabel l -anestesija (= effetti sekondarji speċifiċi għas-sustanza attiva)

-effetti kombinati tal-5-ALA, l-anestesija, u r-risezzjoni tat-tumur (= effetti sekondarji speċifiċi għall-proċedura).

L-aktar effetti mhux mixtieqa serji jinkludu anemija, tromboċitopenija, lewkoċitosi, disturbi newroloġiċi u tromboemboliżmu. Barra minn hekk, effetti mhux mixtieqa osservati ta’ spiss oħra huma remettar, tqalligħ u żieda tal-bilirubin fid-demm, alanine aminotransferase, aspartate aminotransferase, gamma glutamyltransferase u amylase fid-demm.

Sommarju f’tabella ta’ reazzjonijiet avversi

Komuni ħafna (≥ 1/10)

Komuni (≥ 1/100 sa < 1/10)

Mhux komuni (≥ 1/1,000 sa < 1/100)

Rari (≥ 1/10,000 sa < 1/1,000)

Rari ħafna (≤ 1/10,000)

Mhux magħruf (ma tistax tittieħed stima mad-data disponibbli).

F’kull sezzjoni ta’ frekwenza, l-effetti mhux mixtieqa għandhom jitniżżlu skont is-serjetà tagħhom. L-effetti li huma l-aktar serji għandhom jitniżżlu l-ewwel, segwiti minn dawk anqas serji.

Effetti sekondarji speċifiċi għas-sustanza:

Disturbi fil-qalb

Mhux komuni: pressjoni baxxa

Disturbi gastro-intestinali

Mhux komuni: dardir

Disturbi fil-ġilda u fit-tessuti ta’

Mhux komuni: reazzjoni ta’ fotosensittività, fotodermatożi

taħt il-ġilda

 

Effetti sekondarji relatati mal-proċedura

Il-firxa u frekwenza tal-effetti sekondarji newroloġiċi relatati mal-proċedura jiddependu fuq il-lokalizzazzjoni tat-tumur tal-moħħ u l-grad tar-risezzjoni tat-tessut ta’ tumur li jkun qiegħed f’żoni elokwenti tal-moħħ (ara sezzjoni 4.4).

Disturbi tad-demm u tas-sistema

Komuni ħafna: anemija, tromboċitopenija, lewkoċitożi

limfatika

 

 

Disturbi fis-sistema nervuża

Komuni:

disturbi newroloġiċi (eż. emiparesi, afasja,

 

 

konvulżjonijiet, emianopsija)

 

Mhux komuni: edima fil-moħħ

 

Rari ħafna:

ipoestesija

Disturbi fil-qalb

Mhux komuni: pressjoni baxxa

Disturbi vaskulari

Komuni:

tromboemboliżmu

Disturbi gastro-intestinali

Komuni:

rimettar, dardir

 

Rari ħafna:

dijarea

Disturbi fil-fwied u fil-marrara

Komuni ħafna:żieda fil-bilirubin fid-demm,

 

żieda fl-alanine aminotransferase,

żieda fl-aspartate aminotransferase,

żieda fil-gamma glutamyltransferase, żieda fl-amylase fid-demm

Deskrizzjoni ta’ reazzjonijiet avversi magħżula

Fi prova single-arm li kien jinkludi 21 voluntier raġel b’saħħtu, eritema tal-ġilda setgħet tiġi pprovokata b’esponiment dirett għad-dawl UVA sa 24 siegħa wara l-applikazzjoni orali ta’ 20 mg/kg piż tal-ġisem 5-ALA HCl. Reazzjoni avversa tal-mediċina li kien jikkonsisti minn tqalligħ ħafif ġie rrappurtat f’1 mill-21 voluntier.

Fi prova oħra ta’ ċentru wieħed (single-centre study), 21 pazjent bi glijoma malinna rċevew 0.2, 2, jew 20 mg/kg ta’ piż tal-ġisem ta’ 5-ALA HCl segwit mir-risezzjoni tat-tumur iggwidata bil- fluworexxenza. L-unika reazzjoni avversa rrappurtata f’din il-prova kien każ wieħed ta’ ħarqa ħafifa bix-xemx li seħħet f’pazjent ittrattat bl-ogħla doża.

Fi prova single-arm li kien jinkludi 36 pazjent bi glijoma malinnja, reazzjonijiet avversi relatati mal- mediċina kieny rapportati f’erba’ pazjenti (dijarea ħafifa f’pazjent minnhom, ipoestesija moderata f’pazjent ieħor, tertir moderat f’pazjent ieħor u pressjoni arterjali baxxa arterjali 30 minuta wara l-għoti ta’ 5-ALA HCl f’pazjent ieħor). Il-pazjenti kollha rċevew il-prodott mediċinali f’doża ta’

20 mg/kg ta’ piż tal-ġisem u kienu sottoposti għal tneħħija ggwidata bil-fluworexxenza. Iż-żmien ta’ wara l-kura kien ta’ 28 ġurnata.

Fi prova komparattiva ta’ Fażi III, tat-tip unblinded (MC-ALS.3/GLI), 201 pazjent bi glijomi malinni rċevew 5-ALA HCl f’doża ta’ 20 mg/kilogramm ta’ piż tal-ġisem u 176 minn dawn il-pazjenti kienu sottoposti għal tneħħija ggwidata bil-fluworexxenza b’radjuterapija sussegwenti. 173 pazjent irċevew tneħħija standard mingħajr ma ngħataw il-prodott mediċinali u r-radjuterapija sussegwenti. Iż-żmien ta’ wara l-kura kien jinkludi mill-anqas 180 jum wara l-għoti. Reazzjonijiet avversi possibbilment relatati kienu rrapportati talanqas fi 2/201 (1.0%) pazjent: rimettar ħafif 48 siegħa wara l-kirurġija, u fotosensittività ħafifa 48 siegħa wara l-kirurġija tal-prova. Pazjent ieħor aċċidentalment irċieva doża eċċessiva tal-prodott mediċinali (3000 mg minflok 1580 mg). L-insuffiċjenza respiratorja, li ġiet irrappurtata f’dan il-pazjent, kienet ġestita b’adattament tal-ventilazzjoni u telqet kompletament. Żieda għaddiena aktar evidenti ta’ enzimi tal-fwied kienet osservata fil-pazjenti trattati bi 5-ALA. L-ogħla valuri seħħew bejn 7 u 14-il jum wara l-għoti. Kienu osservati żidiet fil-livelli ta’ amylase, bilirubin totali u lewkoċiti, iżda tnaqqis fil-livelli tat-tromboċiti u tal-eritroċiti, madankollu d- differenzi bejn il-gruppi ta’ kura ma kinux statistikament sinifikanti.

Rappurtar ta’ reazzjonijiet avversi suspettati

Huwa importanti li jiġu rrappurtati reazzjonijiet avversi suspettati wara l-awtorizzazzjoni tal-prodott mediċinali. Dan jippermetti monitoraġġ kontinwu tal-bilanċ bejn il-benefiċċju u r-riskju tal-prodott mediċinali. Il-professjonisti dwar il-kura tas-saħħa huma mitluba jirrappurtaw kwalunkwe reazzjoni avversa suspettata permezz tas-sistema ta’ rappurtar nazzjonali imniżżla f’Appendiċi V.

4.9Doża eċċessiva

Fi prova klinika, pazjent ta’ 63 sena b’mard kardjovaskulari magħruf aċċidentalment ingħata doża eċċessiva ta’ 5-ALA HCl (3000 mg minflok 1580 mg). Waqt l-operazzjoni huwa żviluppa insuffiċjenza respiratorja, li kienet ġestita bl-adattament tal-ventilazzjoni. Wara l-kirurġija l-pazjent wera wkoll eritema fil-wiċċ. Intqal li l-pazjent kien ġie espost għal aktar dawl milli permess għall- prova. L-insuffiċjenza respiratorja u l-eritema telqu kompletament.

F’każ ta’ doża eċċessiva, għandhom jiġu pprovduti miżuri ta’ sostenn kif meħtieġ, fosthom protezzjoni suffiċjenti minn sorsi ta’ dawl qawwija (eż. dawl tax-xemx dirett).

5.PROPRJETAJIET FARMAKOLOĠIĊI

5.1Proprjetajiet farmakodinamiċi

Kategorija farmakoterapewtika: sustanzi antineoplastiċi, sensitizzaturi użati f’terapija fotodinamika, Kodiċi ATC: L01XD04

Mekkaniżmu ta’ azzjoni

5-ALA, huwa prekursur bijokimiku naturali ta’ heme li jiġi metabolizzat f’sensiela ta’ reazzjonijiet enzimatiċi għal porphyrins fluworexxenti, b’mod partikulari lPPIX. Is-sinteżi tal-5-ALA hija regolata minn ġabra intraċellulari ta’ heme liberu permezz ta’ mekkaniżmu ta’ rispons negattiv. L-għoti eċċessiv ta’ 5-ALA eksoġenu jevita l-kontroll ta’ feedback negattiv, u l-akkumulazzjoni ta’ PPIX fit- tessuti bersalljati. Fil-preżenza ta’ dawl viżibbli, il-floroxxenza ta’ PPIX (effetti fotodinamiċi) f’ċertu tessut ibbersalljat jista’ jintuża għal dijanjosi fotodinamika.

Effetti farmakodinamiċi

L-għoti sistemiku ta’ 5-ALA jirriżulta f’tagħbija eċċessiva tal-metaboliżmu ċellulari tal-porphyrin u l- akkumulazzjoni ta’ PPIX f’diversi epitelji u tessuti tal-kanċer. It-tessut ta’ glijomi malinni (WHO- grad III u IV, eż. glioblastoma multiformi, gliosarcoma jew astrocytoma anaplastika) ġie muri li jissintetizza u jakkumula porphyrins b’reazzjoni għall-għoti ta’ 5-ALA. Il-konċentrazzjoni ta’ PPIX hija sinifikattivament aktar baxxa fil-materja bajda milli fil-kortiċi u t-tumur. It-tessut li jdawwar it- tumur u l-moħħ normali jista’ jiġi wkoll affettwat. Madankollu, il-formazzjoni ta’ PPIX indotta mill- 5-ALA hija sinifikattivament ogħla fit-tessut malinn milli fil-moħħ normali.

B’kuntrast, fit-tumuri ta’ grad baxx (WHO-grad I u II, eż. medulloblastoma, oligodendroglijoma) ma setgħet tiġi osservata l-ebda fluworexxenza wara l-applikazzjoni tas-sustanza attiva. Il-metastasi ċerebrali żvelaw fluworexxenza inkonsistenti jew l-ebda fluworexxenza.

Il-fenomenu tal-akkumulazzjoni ta’ PPIX fi glijomi malinni ta’ WHO grad III u IV jista’ jiġi spjegat mit-teħid akbar ta’ 5-ALA fit-tessut ta’ tumur jew mudell mibdul tal-espressjoni jew attività tal- enzimi (eż. ferrochelatase) involuti fil-bijosinteżi tal-emoglobina fiċ-ċelloli ta’ tumur. L-ispjegazzjonijiet għat-teħid akbar ta’ 5-ALA jinkludu barriera sfaxxata bejn il-moħħ u d-demm, żieda fin-neovaskularizzazzjoni, u l-espressjoni eċċessiva ta’ trasportaturi tal-membrana fit-tessut ta’ glijoma.

Wara stimulazzjoni b’dawl blu (λ=400-410 nm), il-PPIX ikun fluworexxenti ħafna (l-ogħla punt f’λ=635 nm) u jkun jista’ jidher wara li jsiru modifikazzjonijiet xierqa għal mikroskopju newroloġiku standard.

L-emissjoni ta’ fluworexxenza tista’ tiġi kklassifikata bħala fluworexxenza ħamra intensa (solida) (li tikkorrispondi ma’ tessut ta’ tumur solidu, vitali) u fluworexxenza roża mhux ċara (li tikkorrispondi ma’ ċelloli ta’ tumur infiltranti), filwaqt li t-tessut tal-moħħ normali nieqes mil-livelli akbar ta’ PPIX jirrifletti d-dawl ultra-vjola u jidher blu.

Effikaċja klinika u sigurtà

Fi prova klinika ta’ fażi I/II li kienet tinkludi 21 pazjent, kienet rilevata relazzjoni tal-effikaċja tad- doża bejn il-livelli tad-doża u l-firxa u l-kwalità tal-fluworexxenza fil-qalba tat-tumur: dożi akbar ta’ 5-ALA HCl tejbu l-kwalità tal-fluworexxenza u l-miżura ta’ fluworexxenza tal-qalba tat-tumur meta mqabbel mad-demarkazzjoni tal-qalba tat-tumur taħt dawl abjad standard b’ton wieħed, non-falling. L-ogħla doża (20 mg/kilogramm ta’ piż tal-ġisem) kienet stabbilita li hija l-aktar effiċjenti.

Instab valur ta’ previżjoni pożittiva ta’ fluworexxenza tat-tessut ta’ 84.8% (90% CI: 70.7%-93.8%). Dan il-valur kien definit bħala l-perċentwal ta’ pazjenti b’identifikazzjoni pożittiva ta’ ċelloli ta’ tumur fil-bijopsiji kollha meħuda minn żoni ta’ fluworexxenza dgħajfa u qawwija. Il-valur ta’ previżjoni pożittiv tal-fluworexxenza qawwija kien ogħla (100.0%; 90% CI: 91.1%-100.0%) minn tal- fluworexxenza dgħajfa (83.3%; 90% CI: 68.1%-93.2%). Ir-riżultati kienu bbażati fuq prova klinika ta’

fażi II li kienet tinkludi 33 pazjent li rċevew 5-ALA HCl f’doża ta’ 20 mg/kilogramm ta’ piż tal- ġisem.

Il-fluworexxenza li rriżultat kienet użata bħala marker waqt l-operazzjoni għal tessut ta’ glijomi malinni bil-għan li tittejjeb ir-risezzjoni kirurġika ta’ dawn it-tumuri.

Fi prova klinika ta’ fażi III bi 349 pazjent suspettati bi glijoma malinna li toqgħod għal tneħħija kompleta ta’ tumur li jkabbar il-kuntrast, il-pazjenti ntgħażlu b’mod każwali għal tneħħija ggwidata bil-fluworexxenza wara l-għoti ta’ 20 mg/kilogramm ta’ piż tal-ġisem 5-ALA HCl jew tneħħija konvenzjonali taħt dawl abjad. Tumur li jkabbar il-kuntrast ġie mneħħi f’64% tal-pazjenti fil-grupp sperimentali meta mqabbel mat-38% tal-grupp ta’ kontroll (p<0.0001).

Fil-viżta sitt xhur wara r-risezzjoni tat-tumur, 20.5% tal-pazjenti trattati bil-5-ALA u 11 % tal-pazjenti li għamlu operazzjoni standard kienu ħajjin fil-viżta tas-sitt xahar mingħajr progressjoni. Id-differenza kienet statistikament sinifikanti bl-użu tat-test chi-square (p=0.015).

Ma kienet osservata l-ebda żieda sinifikanti fis-sopravivenza globali f’din il-prova, madankollu, din ma kinetx potenzjata biex issib tali differenza.

5.2Tagħrif farmakokinetiku

Karatteristiċi ġenerali

Dan il-prodott mediċinali juri solubilità tajba f’soluzzjonijiet akweji. Wara l-inġestjoni, 5-ALA nnifsu ma jkunx fluworexxenti iżda jiġi assorbit mit-tessut tat-tumur (ara sezzjoni 5.1) u jiġi metabolizzat b’mod intraċellulari għal porphyrins fluworexxenti, l-aktar PPIX.

Assorbiment

5-ALA bħala soluzzjoni li tinxtorob tiġi assorbita malajr u kompletament u l-ogħla livelli fil-plażma ta’ 5-ALA jintlaħqu 0.5-2 sigħat wara l-għoti b’mod orali ta’ 20 mg/kilogramm ta’ piż tal-ġisem. Il- livelli fil-plażma jirritornaw għall-valuri tal-linja bażi 24 siegħa wara l-għoti ta’ doża orali ta’

20 mg/kilogramm ta’ piż tal-ġisem. L-effett tal-ikel ma ġiex investigat minħabba li dan il-prodott mediċinali ġeneralment jingħata fuq stonku vojt qabel l-induzzjoni tal-anestesija.

Distribuzzjoni u bijotrasformazzjoni

5-ALA huwa assorbit b’mod preferenzjali mill-fwied, il-kliewi, l-endotelji u l-ġilda kif ukoll minn glijomi malinni (WHO grad III u IV) u jiġi metabolizzat għal PPIX fluworexxenti. Erba’ sigħat wara l-għoti orali ta’ 20 mg/kilogramm ta’ piż tal-ġisem 5-ALA HCl, il-livell massimu ta’ PPIX fil-plażma jintlaħaq. Il-livelli ta’ PPIX fil-plażma jonqsu malajr matul l-20 siegħa suċċessivi u ma tistax tidditektjhom 48 siegħa wara l-għoti. Bid-doża orali rakkomandata ta’ 20 mg/kilogramm ta’ piż tal- ġisem, il-proporzjonijiet ta’ fluworexxenza tat-tumur għall-moħħ normali huma ġeneralment għoljin u joffru kuntrast luċidu għall-perċezzjoni viżwali tat-tessut ta’ tumur taħt dawl ultra-vjola għal mill- anqas 9 sigħat.

Minbarra t-tessut ta’ tumur, kienet irrappurtata fluworexxenza dgħajfa tal-choroid plexus. 5-ALA jiġi wkoll assorbit u metabolizzat għal PPIX minn tessuti oħra, eż. il-fwied, il-kliewi jew il-ġilda (ara sezzjoni 4.4). Mhux magħruf it-twaħħil ta’ 5-ALA mal-proteini tal-plażma.

Eliminazzjoni

5-ALA huwa eliminat malajr b’half-life terminali ta’ 1-3 sigħat. Madwar 30% ta’ doża ta’

20 mg/kilogramm ta’ piż tal-ġisem mogħtija b’mod orali jiġi eliminatb’mod mhux mibdul fl-awrina fi żmien 12-il siegħa.

Linearità/nuqqas ta’ linearità

Hemm proporzjonalità tad-doża bejn l-AUC0-inf. tal-valuri ta’ 5-ALA u dożi orali differenti ta’ dan il- prodott mediċinali.

Indeboliment tal-kliewi jew tal-fwied

Il-farmakokinetika ta’ 5-ALA f’pazjenti b’indeboliment tal-kliewi jew tal-fwied ma ġietx investigata.

5.3Tagħrif ta’ qabel l-użu kliniku dwar is-sigurtà

Esperimenti standard ta’ sigurtà farmakoloġika ġew imwettqa taħt protezzjoni mid-dawl fil-ġurdien, il-far u l-kelb. L-għoti ta’ 5-ALA ma jaffettwax il-funzjoni tas-sistema gastro-intestinali u tas-sistema nervuża ċentrali. Żieda żgħira fis-saluresis ma tistax tiġi eskluża.

L-għoti ta’ darba ta’ dożi għoljin ta’ 5-ALA lil ġrieden jew firien iwassal għal sejbiet mhux speċifikati ta’ intolleranza mingħajr abnormalitajiet makroskopiċi jew sinjali ta’ tossiċità ttardjata. Studji tat- tossiċità minn dożi ripetuti li twettqu fuq il-firien u l-klieb juru reazzjonijiet avversi dipendenti fuq id- doża li jaffettwaw bidliet fl-istoloġija tal-kanal tal-bile (mhux riversibbli sa perjodu ta’ rkupru ta’ 14- il jum), żieda għaddiena fit-transaminases, LDH, bilirubin totali, cholesterin totali, kreatinina, urea u rimettar (fil-klieb biss). Is-sinjali ta’ tossiċità sistemika (parametri kardjovaskulari u respiratorji) seħħew b’dożi aktar gholjin fil-kelb anestetizzat: b’45 mg/kilogramm ta’ piż tal-ġisem minn ġol-vina ġie rreġistrat tnaqqis żgħir fil-pressjoni tad-demm tal-arterji periferali u l-pressjoni sistolika fil- ventrikolu tax-xellug. Ħames minuti wara l-għoti, il-valuri tal-linja bażi kienu reġgħu ntlaħqu mill- ġdid. L-effetti kardjovaskulari li dehru huma meqjusa bħala relatati mal-għoti minn ġol-vina.

Il-fototossiċità osservata wara trattament bil-5-ALA in vitro u in vivo hija ovvjament marbuta mill- qrib mal-induzzjoni dipendenti fuq id-doża u l-ħin tas-sinteżi tal-PPIX fiċ-ċelloli jew it-tessuti mdawla. Qerda taċ-ċelloli sebaċi, nekrosi epidermika fokali b’infjammazzjoni akuta li tgħaddi u bidliet reattivi mxerrda fil-keratinoċiti kif ukoll edema sekondarja li tgħaddi u infjammazzjoni tad- dermis huma osservati. Il-ġilda esposta għad-dawl irkuprat kompletament għajr għal tnaqqis persistenti fl-għadd ta’ follikuli tax-xagħar. Għalhekk, huma rakkomandati miżuri ġenerali għall- protezzjoni tal-għajnejn u l-ġilda mid-dawl għal mill-anqas 24 siegħa wara l-għoti ta’ dan il-prodott mediċinali.

Għalkemm ma sarux studji pivotali dwar il-komportament riproduttiv u fuq l-iżvilupp ta’ 5-ALA, wieħed jista’ jikkonkludi li s-sinteżi ta’ porphyrin indotta mill-5-ALA tista’ twassal għal attività embrijutossika fil-ġurdien, il-far u l-embriji tal-fellus biss fil-kundizzjoni ta’ esponiment simultanju dirett għad-dawl. Dan il-prodott mediċinali, għalhekk, m’għandux jingħata lil nisa tqal. It-trattament b’doża waħda eċċessiva ta’ firien b’5-ALA indebolixxa b’mod riversibbli l-fertilità tar-raġel għal ġimagħtejn wara d-dożaġġ.

Il-maġġoranza tal-istudji dwar l-effett ġenotossiku li twettqu fid-dlam ma jurux potenzjal ġenotossiku ta’ 5-ALA. Il-kompost potenzjalment jikkawża fotoġenotossiċità wara l-irradjazzjoni jew l-esponiment sussegwenti għad-dawl li jkun ovvjament relatat mal-induzzjoni tas-sinteżi tal- porphyrin.

Ma sarux studji in vivo fuq perjodu fit-tul dwar ir-riskju ta’ kanċer. Madankollu, meta titqies l-indikazzjoni terapewtika, trattament orali wieħed b’5-ALA jista’ ma jkunx relatat ma’ xi riskju karċinoġeniku potenzjali serju.

6.TAGĦRIF FARMAĊEWTIKU

6.1Lista ta’ eċċipjenti

Xejn

6.2Inkompatibbiltajiet

Fin-nuqqas ta’ studji ta’ kompatibbiltà, dan il-prodott mediċinali m’għandux jitħallat ma’ prodotti mediċinali oħrajn.

6.3Żmien kemm idum tajjeb il-prodott mediċinali

Kunjett mhux miftuħ 3 snin.

Soluzzjoni rikostitwita

Is-soluzzjoni rikostitwita hija fiżikament u kimikament stabbli għal 24 siegħa f’25ºC.

6.4Prekawzjonijiet speċjali għall-ħażna

Żomm il-kunjett fil-kartuna ta’ barra sabiex tilqa’ mid-dawl.

Għall-kondizzjonijiet ta’ ħażna wara r-rikostituzzjoni tal-prodott mediċinali, ara sezzjoni 6.3.

6.5In-natura u tal-kontenitur u ta’ dak li hemm ġo fih

Kunjett tal-ħġieġ ta’ tip II bla kulur, b’tapp tal-lastku tal-butyl li fih 1.5 g trab għal rikostituzzjoni f’50 ml ta’ ilma għax-xorb.

Daqsijiet tal-pakkett: 1, 2 u 10 kunjetti.

Jista’ jkun li mhux il-pakketti tad-daqsijiet kollha jkunu fis-suq.

6.6Prekawzjonijiet speċjali li għandhom jittieħdu meta jintrema u għal immaniġġar ieħor

Is-soluzzjoni orali tiġi ppreparata billi jinħall l-ammont tat-trab ta’ kunjett wieħed f’50 ml ta’ ilma tax-xorb. Is-soluzzjoni rikostitwita hija fluwidu ċar u mingħajr lewn għal daqsxejn fl-isfar.

Gliolan għandu jintuża darba biss – u kwalunkwe kontenut li jifdal wara l-ewwel użu għandu jintrema.

Kull fdal tal-prodott mediċinali li ma jkunx intuża jew skart li jibqa’ wara l-użu tal-prodott għandu jintrema kif jitolbu l-liġijiet lokali.

7.DETENTUR TAL-AWTORIZZAZZJONI GĦAT-TQEGĦID FIS-SUQ

medac

Gesellschaft für klinische Spezialpräparate mbH Theaterstr. 6

22880 Wedel

Il-Ġermanja

Tel. + 49 4103 8006 0 Fax: +49 4103 8006 100

8.NUMRU(I) TAL-AWTORIZZAZZJONI GĦAT-TQEGĦID FIS-SUQ

EU/1/07/413/001-003

9.DATA TA’ L-EWWEL AWTORIZZAZZJONI/TIĠDID TA’ L-AWTORIZZAZZJONI

Data tal-ewwel awtorizzazzjoni: 07 ta’ Settembru 2007

Data tal-aħħar tiġdid: 12 ta’ Settembru 2012

10.DATA TA’ REVIŻJONI TAT-TEST

Informazzjoni dettaljata dwar dan il-prodott mediċinali tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini http://www.ema.europa.eu

Kummenti

A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z
  • Għajnuna
  • Get it on Google Play
  • Dwar
  • Info on site by:

  • Presented by RXed.eu

  • 27558

    Drogi ta’ preskrizzjoni elenkati