Maltese
A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z

Iclusig (ponatinib) – Fuljett ta’ tagħrif - L01XE24

Updated on site: 07-Oct-2017

Isem tal-MediċinaIclusig
Kodiċi ATCL01XE24
Sustanzaponatinib
ManifatturAriad Pharma Ltd

Kontenut tal-Artiklu

Fuljett ta’ tagħrif: Informazzjoni għall-pazjent

Iclusig 15 mg pilloli miksija b’rita

Iclusig 30 mg pilloli miksija b’rita

Iclusig 45 mg pilloli miksija b’rita

Ponatinib

Dan il-prodott mediċinali huwa suġġett għal monitoraġġ addizzjonali. Dan ser jippermetti identifikazzjoni ta’ malajr ta’ informazzjoni ġdida dwar is-sigurtà. Inti tista’ tgħin billi tirrapporta kwalunkwe effett sekondarju li jista’ jkollok. Ara t-tmiem ta’ sezzjoni 4 biex tara kif għandek tirrapporta effetti sekondarji.

Aqra sew dan il-fuljett kollu qabel tibda tieħu din il-mediċina peress li fih informazzjoni importanti għalik.

Żomm dan il-fuljett. Jista’ jkollok bżonn terġa’ taqrah.

Jekk ikollok aktar mistoqsijiet, staqsi lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.

Din il-mediċina ġiet mogħtija lilek biss. M’għandekx tgħaddiha lil persuni oħra. Tista’ tagħmlilhom il-ħsara, anki jekk ikollhom l-istess sinjali ta’ mard bħal tiegħek.

Jekk ikollok xi effett sekondarju kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju possibbli li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Ara sezzjoni 4.

F’dan il-fuljett:

1.X’inhu Iclusig u għal xiex jintuża

2.X’għandek tkun taf qabel ma tieħu Iclusig

3.Kif għandek tieħu Iclusig

4.Effetti sekondarji possibbli

5.Kif taħżen Iclusig

6.Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra

1.X’inhu Iclusig u għal xiex jintuża

Iclusig jintuża għall-kura f’adulti li għandhom it-tipi li ġejjin ta’ lewkimja li m’għadhomx aktar jieħdu l-benefiċċju ta’ trattament minn mediċini oħra, jew għandhom differenza ġenetika magħrufa bħal mutazzjoni T315I:

lewkimja mjelojda kronika (CML - chronic myeloid leukaemia): kanċer tad-demm li jinvolvi ammont għoli ta’ ċelluli bojod tad-demm anormali fid-demm u l-mudullum (fejn jiġu ffurmati ċ-ċelluli tad-demm.

lewkimja limfoblastika akuta pożittiva għal kromosoma Philadelphia (Ph+ ALL - Philadelphia chromosome positive acute lymphoblastic leukaemia): tip ta’ lewkimja li tinvolvi ammont għoli ta’ ċelluli bojod immaturi tad-demm fid-demm u fil-mudullum fejn jiġi ffurmat id-demm. F’din it-tip ta’ lewkimja, parti mid-DNA (materjal ġenetiku) ġie irranġat mill-ġdid biex jifforma kromosoma anormali, il-kromosoma Philadelphia.

Iclusig jappartjeni għal grupp ta’ mediċini li jissejħu impedituri ta’ tyrosine kinase. F’pazjenti b’CML u Ph+ ALL, bidliet fid-DNA jibgħat sinjal li jgħid lill-ġisem biex jipproduċi aktar ċelluli bojod tad-demm abnormali. Iclusig jimblokka dan is-sinjal, u b’hekk iwaqqaf il-produzzjoni ta’ dawn iċ-ċelluli.

2. X'għandek tkun taf qabel ma tieħu Iclusig

Tieħux Iclusig

jekk inti allerġiku għal ponatinib jew għal xi sustanza oħra ta’ din il-mediċina (imniżżla fis-sezzjoni 6).

Twissijiet u prekawzjonijiet

Kellem lit-tabib jew l-ispiżjar tiegħek qabel tieħu Iclusig jekk għandek:

disturbi fil-fwied jew fil-frixa jew funzjoni tal-kliewi mnaqqsa. It-tabib tiegħek għandu mnejn ikun irid jieħu prekawzjonijiet addizzjonali.

storja ta’ abbuż ta’ alkoħol

kellhom attakk tal-qalb jew puplesija qabel

storja medika ta’ emboli tad-demm fil-kanali tad-demm tiegħek

storja ta’ stenosi tal-arterja renali (tidjiq tal-vażi tad-demm għal kilwa waħda jew it-tnejn)

problemi fil-qalb, inkluż insuffiċjenza tal-qalb, taħbit irregolari tal-qalb, u titwil ta’ QT

pressjoni għolja

storja medika ta’ problemi ta’ fsada

jew qatt kellek jew jekk issa jista' jkun li għandek l-infezzjoni tal-epatite B. Dan minħabba li Iclusig jista' jwassal sabiex epatite B jerġa' jiġi attiv, u f'xi każijiet dan jista' jkun fatali. Il- pazjenti ser jiġu ċċekjati bir-reqqa mit-tabib tagħhom għal sinjali ta' din l-infezzjoni qabel ma tinbeda l-kura.

It-tabib tiegħek ser jagħmel:

evalwazzjonijiet tal-funzjoni tal-qalb tiegħek u tal-kondizzjoni tal-arterji u tal-vini tiegħek

test biex jara l-għadd sħiħ tad-demm

Dan ser jiġi ripetut kull ġimagħtejn fl-ewwel 3 xhur wara l-bidu tat-terapija. Wara dan ser isir darba kull xahar jew kif indikat mit-tabib.

verifiki dwar il-proteina fis-serum magħrufa bħala lipase

Proteina fis-serum li tissejjaħ lipase ser tiġi ċċekkjata kull ġimagħtejn fl-ewwel xahrejn, imbagħad kull tant żmien. Waqfien tat-trattament jew tnaqqis fid-doża jista’ jkun meħtieġ meta lipase jogħla.

testijiet tal-fwied

Testijiet tal-funzjoni tal-fwied ser isiru regolarment, kif indikat mit-tabib tiegħek.

Tfal u adolexxenti

Tagħtix din il-mediċina lil tfal b’età inqas minn 18-il sena għax m’hemmx dejta disponibbli fit-tfal.

Mediċini oħra u Iclusig

Għid lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek jekk qiegħed tieħu, ħadt dan l-aħħar jew tista’ tieħu xi mediċina oħra.

Il-mediċini li ġejjin jistgħu jaffettwaw jew jiġu affettwati b’Iclusig:

ketoconazole, itraconazole, voriconazole: mediċini li jintużaw għall-kura ta’ infezzjonijiet tal-moffa.

indinavir, nelfinavir, ritonavir, saquinavir: mediċini għall-kura ta’ infezzjoni ta’ HIV.

clarithromycin, telithromycin, troleandomycin: mediċini biex jikkuraw infezzjonijiet batteriċi.

nefazodone: medċina għall-kura ta’ dipressjoni.

St. John’s wort: prodott magħmul mill-ħxejjex għall-kura ta’ dipressjoni.

carbamazepine: mediċina li tintuża għal kura ta’ epilessija, stadji ewferiċi/dipressivi u ċertu tip ta’ kundizzjonijiet ta’ uġigħ.

phenobarbital, phenytoin: mediċini użati fil-kura ta’ epilessija.

rifabutin, rifampicin: mediċini użati fil-kura ta’ tuberkolosi jew ċertu tip ta’ infezzjonijiet.

digoxin: mediċina li tintuża għall-kura ta’ dgħufija tal-qalb.

dabigatran: mediċina li tevita l-formazzjoni ta’ emboli tad-demm.

colchicine: mediċina għall-kura ta’ attakki tal-gotta.

pravastatin, rosuvastatin: mediċini li jbaxxu livelli għolja ta’ kolesterol.

methotrexate: mediċina għall-kura ta’ infjammazzjoni severa tal-ġogi (artrite rewmatika), kanċer u l-marda tal-ġilda psorjasi.

sulfasalazine: mediċina għall-kura ta’ infjammazzjoni tal-imsaren severa u għal ġogi rewmatiċi.

Iclusig ma’ ikel u xorb

Evita prodotti bil-grejpfrut bħal meraq tal-grejpfrut.

Tqala u treddigħ

Jekk inti tqila jew qed tredda’, taħseb li tista tkun tqila jew qed tippjana li jkollok tarbija, itlob il-parir tat-tabib jew tal-ispiżjar tiegħek qabel tieħu din il-mediċina.

Pariri dwar kontraċezzjoni għall-irġiel u n-nisa

Nisa ta’ età li jista’ jkollhom it-tfal li jkunu qed jiġu kkurati b’Iclusig għandhom jevitaw li joħorġu tqal. Irġiel li jkunu qed jirċievu kura b’Iclusig huma avżati biex ma jippruvawx isiru missirijiet waqt il-kura. Għandha tintuża kontraċezzjoni effettiva waqt il-kura.

Għandek tieħu Iclusig waqt it-tqala biss, kemm-il darba t-tabib tiegħek jgħidlek li hu neċessarju, peress li jeżistu riskji potenzjali għat-tarbija mhux mwielda.

Treddigħ

Waqqaf it-treddigħ waqt it-trattament b’Iclusig. Mhux magħruf jekk Iclusig jgħaddix fil-ħalib tas-sider.

Sewqan u tħaddim ta’ magni

Għandek tagħti attenzjoni speċjali meta ssuq u tuża magni peress li pazjenti li jkunu qed jieħdu Iclusig jistgħu jesperjenzaw disturbi viżivi, stordament, ħedla u għeja.

Iclusig fih lactose

Jekk it-tabib tiegħek qallek li għandek intolleranza għaz-zokkor tal-ħalib (lactose) ikkuntattja lit-tabib tiegħek qabel tieħu din il-mediċina.

3.Kif għandek tieħu Iclusig

Dejjem għandek tieħu din il-mediċina skont il-parir eżatt tat-tabib jew l-ispiżjar tiegħek. Dejjem għandek taċċerta ruħek mat-tabib jew l-ispiżjar tiegħek jekk ikollok xi dubju.

Terapija b’Iclusig għandha tiġi ordnata minn tabib b’esperjenza fit-trattament ta’ lewkimja.

Iclusig huwa disponibbli bħala:

pillola miksija b’rita ta’ 45 mg għad-doża rakkomandata.

pillola miksija b’rita ta’ 15 mg u pillola miksija b’rita ta’ 30 mg sabiex tippermetti aġġustament tad-doża.

Id-doża rakkomandata tal-bidu hija pillola waħda miksija b’rita ta’ 45 mg mogħtija darba kuljum.

It-tabib tiegħek jista’ jnaqqas id-doża tiegħek jew jgħidlek biex tieqaf tieħu b’mod temporanju Iclusig jekk:

jinkiseb rispons xieraq għat-trattament

jonqos l-għadd ta’ ċelluli bojod tad-demm li jissejħu newtrofili.

jonqos l-għadd ta’ plejtlets tad-demm.

ikun hemm effett sekondarju sever, li ma jaffettwax id-demm

-infjammazzjoni tal-frixa.

-livelli ogħla tal-proteini tas-serum lipase jew amylase.

tiżviluppa problemi fil-qalb jew fil-kanali tad-demm.

għandek disturb fil-fwied

L-użu ta’ Iclusig jista’ jkompli fiż-żmien, jew b’doża mnaqqsa, wara li l-każ ikun ġie riżolt jew ikkontrollat. It-tabib tiegħek jista’ jevalwa r-rispons tiegħek għall-kura f’intervalli regolari.

Kif għandek tuża

Ibla’ l-pilloli sħaħ, b’tazza ilma. Il-pilloli jistgħu jittieħdu mal-ikel jew mingħajru. M’għandekx tkisser jew tħoll il-pilloli.

Tiblax il-kontenitur bid-desikkant li jinsab fil-flixkun.

Għal kemm iddum tuża

Kun żgur li tibqa’ tieħu Iclusig kuljum għal kemm jibqa’ jiġi preskritt. Dan hu trattament għal perijodu fit-tul.

Jekk tieħu Iclusig aktar milli suppost

Kellem lit-tabib tiegħek minnufih jekk dan iseħħ.

Jekk tinsa tieħu Iclusig

M’għandekx tieħu doża doppja biex tpatti għal kull doża li tkun insejt tieħu. Ħu d-doża li jmiss fil-ħin regolari tiegħek.

Jekk tieqaf tieħu Iclusig

M’għandekx tieqaf tieħu Iclusig mingħajr il-permess tat-tabib tiegħek.

Jekk għandek aktar mistoqsijiet dwar l-użu ta’ din il-mediċina, staqsi lit-tabib, jew lill-ispiżjar tiegħek.

4.Effetti sekondarji possibbli

Bħal kull mediċina oħra, din il-mediċina tista’ tikkawża effetti sekondarji, għalkemm ma jidhrux f’kulħadd.

Huwa aktar probabbli li pazjenti li għandhom 65 sena u aktar jiġu affettwati b’effetti sekondarji.

Fittex attenzjoni medika minnufih jekk tesperjenza xi wieħed mill-effetti sekondarji serji li ġejjin.

Jekk jinkisbu riżultati mhux normali minn testijiet tad-demm, għandu jiġi kkuntattjat tabib immedjatament.

Effetti sekondarji serji (komuni jaffettwaw utent wieħed sa 10 minn kull 100):

infezzjoni fil-pulmun

infjammazzjoni tal-frixa. Għarraf lit-tabib tiegħek immedjatament jekk ikollok infjammazzjoni tal-frixa. Is-sintomi huma uġigħ qawwi fl-istonku u fid-dahar.

deni, ħafna drabi b’sinjali oħra ta’ infezzjoni kkawżat minn tnaqqis fl-għadd ta’ ċelluli bojod tad-demm

attakk ta’ qalb

bidliet fil-livelli tad-demm:

-tnaqqis fl-għadd ta’ ċelluli ħomor tad-demm (sintomi jinkludu: dgħufija, sturdament, għeja)

-tnaqqis fl-għadd ta’ plejtlits fid-demm (sintomi jinkludu: tendenza ogħla li tinfasad jew titbenġel)

-tnaqqis fl-għadd ta’ ċelluli bojod tad-demm li jissejħu newtrofili (sintomi jinkludu: tendenza ogħla li taqbdek infezzjoni)

-żieda fil-livell ta’ proteina fis-serum magħrufa bħala lipase

disturb fir-ritmu tal-qalb, polz mhux normali

insuffiċjenza tal-qalb (sintomi jinkludu: dgħufija, għeja, riġlejn minfuħin)

tħoss pressjoni skomda, tħossok mimli, għafis jew uġigħ fiċ-ċentru tas-sider (anġina pectoris) u uġigħ fis-sider mhux marbut mal-qalb

pressjoni tad-demm għolja

tidjieq tal-arterji fil-moħħ

problemi bl-arterji u l-vini tad-demm fil-muskolu tal-qalb

infezzjoni fid-demm

leżjoni tal-kliewi

ġilda minfuħa, jew parti tal-ġilda ħamra li tinħass sħuna u tenera (ċellulite)

deidratazzjoni

infezzjoni urinarja

puplesija

diffikultajiet fit-teħid tan-nifs

fluwidu fit-toraċi (jista’ jikkaġuna diffikultajiet biex tieħu n-nifs)

dijarea

embolu ta’ demm f’vina fonda, ostruzzjoni f’daqqa ta’ vina, embolu tad-demm f’kanal tad-demm tal-pulmun (sintomi jinkludu: fawra ta’ sħana, fwawar, ħmura fil-wiċċ, diffikultà fit- teħid tan-nifs)

puplesija (sintomi jinkludu: diffikultà biex titkellem jew tiċċaqlaq, ngħas, emigranja, sensazzjonijiet mhux normali)

problemi fiċ-ċirkolazzjoni tad-demm (sintomi jinkludu: uġigħ fir-riġlejn jew dirgħajn, kesħa fl- estremitajiet tar-riġlejn u d-dirgħajn)

pressjoni tad-demm baxxa

batterji fid-demm (bateremija)

embolu tad-demm fl-arterja karotide

kolite minħabba l-batterja C. difficile

stitikezza

tnaqqis ta’ sodju fid-demm

kanċer tal-ġilda (kanċer taċ-ċelluli skwamużi tal-ġilda)

sinkope

tendenza ogħla li tinfasad jew titbenġel

Effetti sekondarji possibli oħra li jistgħu jseħħu bil-frekwenzi li ġejjin huma:

Effetti sekondarji komuni ħafna (jaffettwaw aktar minn utent wieħed minn kull 10):

infezzjoni fil-passaġġ tal-arja ta’ fuq

tnaqqis fl-aptit

nuqqas ta’ rqad

uġigħ ta’ ras, sturdament

sogħla

dijarea, rimettar, dardir

żieda fil-livelli fid-demm ta’ diversi enzimi tal-fwied imsejħa:

-alanine aminotransferase

-aspartate aminotransferase

raxx, ġilda xotta

uġigħ fl-għadam, ġogi, dahar, dirgħajn jew riġlejn, spażmi fil-muskoli

għeja, akkumulazzjoni ta’ fluwidu fid-dirgħajn u/jew riġlejn, deni, uġigħ

Effetti sekondarji komuni (jaffettwaw utent wieħed sa 10 minn kull 100):

infjammazzjoni tal-follikoli tax-xagħar, ġilda minfuħa, parti tal-ġilda jew tataħt il-ġilda ħamra li tinħass sħuna u tenera

attività mnaqqsa tal-glandola tat-tirojde

żamma ta’ fluwidu

livelli baxxi ta’ kalċju, fosfat jew potassju fid-demm

żieda fil-livelli ta’ zokkor jew uric acid fid-demm, valuri għolja ta’ trigliċeridi fid-demm

telf ta’ piż

puplesija żgħira

disturb fin-nervaturi fid-dirgħajn u/jew fir-riġlejn (ħafna drabi jikkawża tnemnim u uġigħ fl-idejn u s-saqajn)

letarġija, emigranja

żieda jew tnaqqis fis-sens tal-mess jew tas-sensazzjoni, sensazzjoni mhux normali bħal tingiż, tnemnim u ħakk

vista mċajpra, għajn tinħass xotta, infezzjoni fl-għajn

nefħa tat-tessuti fil-kappell tal-għajn jew madwar l-għajnejn ikkawżat minn fluwidu żejjed

palpitazzjoni

uġigħ f’waħda jew fiż-żewġ saqajn meta timxi jew tagħmel xi eżerċizzju, li jgħaddi wara ftit minuti ta’ mistrieħ

fawra ta’ sħana, il-wiċċ jiħmar

fsada mill-imnieħer, diffikultà biex toħloq ħsejjes ta’ vuċi, pressjoni għolja fil-pulmun

livelli ogħla fid-demm ta’ enzimi tal-fwied jew tal-frixa:

-amylase

-alkaline phosphatase

-gamma-glutamyltransferase

ħruq ta’ stonku kkawżat minn rifluss tal-meraq tal-istonku, infjammazzjoni fil-ħalq, distenzjoni addominali jew skonfort jew indiġestjoni, ħalq xott

żieda fil-livell ta’ bilirubin fid-demm - is-sustanza safranija li tirriżulta mit-tkissir tal-pigment tad-demm

uġigħ fil-muskoli, sistema skeletali jew l-għonq

raxx tal-ġilda, ħakk, tqaxxir tal-ġilda, tħaxxin abnormali tal-ġilda, ħmura, tbenġil, uġigħ fil- ġilda, bidliet fil-kulur tal-ġilda, telf ta’ xagħar

nefħa tat-tessut fil-wiċċ ikkawżata minn fluwidu eċċessiv

għaraq matul il-lejl, żieda fl-għaraq

ma tkunx tista’ tiżviluppa jew iżomm erezzjoni

sirdat, mard jixbaħ lill-influwenza

emorraġija fl-istonku (is-sintomi jinkludu: uġigħ fl-istonku, rimettar tad-demm)

Effetti sekondarji mhux komuni (jaffettwaw utent wieħed sa 10 minn kull 1,000):

disturbi fil-metaboliżmu kkawżati mill-prodotti tat-tifrik ta’ ċelluli tal-kanċer li qed imutu

emorraġija tal-moħħ

ostruzzjoni tal-kanali tad-demm fl-għajn, disturb fil-vista

problemi fil-qalb, uġigħ fin-naħa tax-xellug tas-sider, disfunzjoni tal-kompartiment tax-xellug tal-qalb

djuq tal-kanali tad-demm, ċirkolazzjoni tad-demm ħażina, tlugħ f'daqqa fil-pressjoni tad-demm

stenosi tal-arterja renali (tidjiq tal-vażi tad-demm għal kilwa waħda jew it-tnejn)

problemi taċ-ċirkolazzjoni fil-milsa

ħsara fil-fwied, suffejra (sintomi jinkludu: il-ġilda u l-għajnejn jisfaru)

Mhux magħruf (il-frekwenza ma tistax tiġi stmata mid-dejta disponibbli)

rikorrenza (riattivazzjoni) tal-infezzjoni tal-epatite B meta kellek l-epatite B fil-passat (infezzjoni fil-fwied)

Rappurtar tal-effetti sekondarji

Jekk ikollok xi effett sekondarju, kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju possibbli li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Tista’ wkoll tirrapporta effetti sekondarji direttament permezz tas-sistema ta’ rappurtar nazzjonali mniżżla f’Appendiċi V. Billi tirrapporta l-effetti sekondarji tista’ tgħin biex tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar is-sigurtà ta’ din il-mediċina.

5.Kif taħżen Iclusig

Żomm din il-mediċina fejn ma tidhirx u ma tintlaħaqx mit-tfal.

Tużax din il-mediċina wara d-data ta’ meta tiskadi li tidher fuq it-tikketta tal-flixkun u fuq il-kartuna wara EXP. Id-data ta’ meta tiskadi tirreferi għall-aħħar ġurnata ta’ dak ix-xahar.

Żomm fil-kontenitur oriġinali sabiex tilqa’ mid-dawl.

Il-flixkun fih kontenitur issiġillat tal-plastik wieħed li fih desikkant li jgħarbel il-molekuli. Żomm dan il-kontenitur fil-flixkun. Tiblax il-kontenitur bid-desikkant.

6. Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra

X’fih Iclusig

Is-sustanza attiva hi ponatinib.

Kull pillola miksija b’rita ta’ 15 mg fiha 15 mg ponatinib (bħala ponatinib hydrochloride). Kull pillola miksija b’rita ta’ 30 mg fiha 30 mg ponatinib (bħala ponatinib hydrochloride) Kull pillola miksija b’rita ta’ 45 mg fiha 45 mg ponatinib (bħala ponatinib hydrochloride).

Is-sustanzi l-oħra huma lactose monohydrate, microcrystalline cellulose, sodium starch glycolate, silica (colloidal anhydrous), magnesium stearate, talc, macrogol 4000, polyvinyl alcohol, titanium dioxide (E171).

Kif jidher Iclusig u l-kontenut tal-pakkett

Il-pilloli miksija b’rita ta’ Iclusig huma bojod, tondi u arrotondati fuq in-naħa ta’ fuq u t’isfel. Il-pilloli miksija b’rita ta’ Iclusig 15 mg għandhom dijametru ta’ madwar 6 mm b’ "A5" fuq naħa waħda.

Il-pilloli miksija b’rita ta’ Iclusig 30 mg għandhom dijametru ta’ madwar 8 mm b’ "C7" fuq naħa waħda.

Il-pilloli miksija b’rita ta’ Iclusig 45 mg għandhom dijametru ta’ madwar 9 mm b’"AP4" fuq naħa waħda.

Iclusig huwa disponibbli fi fliexken tal-plastik, li kull wieħed fih kontenitur wieħed li fih desikkant li jgħarbel il-molekuli. Il-flixken huma ppakkjati ġewwa kaxxa tal-kartun.

Fliexken ta’ Iclusig 15 mg fihom jew 30, 60 jew 180 pillola miksija b’rita.

Fliexken ta’ Iclusig 30 mg fihom jew 30 pillola miksija b’rita.

Fliexken ta’ Iclusig 45 mg fihom jew 30 jew 90 pillola miksija b’rita.

Jista’ jkun li mhux il-pakketti tad-daqsijiet kollha jkunu fis-suq.

Detentur tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq

Incyte Biosciences UK Ltd.

Riverbridge House

Guildford Road, Leatherhead

Surrey KT22 9AD

Ir-Renju Unit

Il-Manifattur

Haupt Pharma Amareg GmbH

Donaustaufer Str. 378

93055 Regensburg

Il-Ġermanja

Penn Pharmaceutical Services Limited

Units 23-24, Tafarnaubach Industrial Estate,

Tafarnaubach,

Tredegar, NP22 3AA

Ir-Renju Unit

Tjoapack Netherlands B.V.

Nieuwe Donk 9

Etten-Leur, 4879 AC

L-Olanda

Dan il-fuljett kien rivedut l-aħħar f’{XX/SSSS}.

Informazzjoni dettaljata dwar din il-mediċina tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini http://www.ema.europa.eu/.

Kummenti

A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z
  • Għajnuna
  • Get it on Google Play
  • Dwar
  • Info on site by:

  • Presented by RXed.eu

  • 27558

    Drogi ta’ preskrizzjoni elenkati