Maltese
A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z

Kiovig (human normal immunoglobulin (IVIg)) – Fuljett ta’ tagħrif - J06BA02

Updated on site: 08-Oct-2017

Isem tal-MediċinaKiovig
Kodiċi ATCJ06BA02
Sustanzahuman normal immunoglobulin (IVIg)
ManifatturBaxter AG

Fuljett ta’ tagħrif: Informazzjoni għall-utent

KIOVIG 100 mg/ml soluzzjoni għal infużjoni

Immunoglobulina normali umana

Aqra sew dan il-fuljett kollu qabel tibda tuża din il-mediċina peress li fih informazzjoni importanti għalik.

Żomm dan il-fuljett. Jista' jkollok bżonn terġa’ taqrah.

Jekk ikollok aktar mistoqsijiet, staqsi lit-tabib, lill-ispiżjar jew l-infermier tiegħek.

Din il-mediċina ġiet mogħtija lilek biss. M’għandekx tgħaddiha lil persuni oħra. Tista’ tagħmlilhom il-ħsara, anki jekk ikollhom l-istess sinjali ta’ mard bħal tiegħek.

Jekk ikollok xi effett sekondarju kellem lit-tabib, lill-ispiżjar jew l-infermier tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju possibbli li m’huwiex elenkat f’dan il-fuljett. Ara sezzjoni 4.

F'dan il-fuljett:

1.X’inhu KIOVIG u għalxiex jintuża

2.X’għandek tkun taf qabel ma tuża KIOVIG

3.Kif għandek tuża KIOVIG

4.Effetti sekondarji possibbli

5.Kif taħżen KIOVIG

6.Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra

1.X’inhu KIOVIG u gћalxiex jintuża

KIOVIG jagħmel parti minn kategorija ta' mediċini msejħa immunoglobulini. Dawn il-mediċini fihom antikorpi umani, li huma preżenti wkoll fid-demm tiegħek.L-antikorpi jgħinu lil ġismek jiġġieled l-infezzjonijiet. Mediċini bħal KIOVIG jintużaw f'pazjenti li m’għandhomx biżżejjed antikorpi fid-demm tagħhom u b'hekk għandhom it-tendenza li jieħdu infezzjonijiet ta' spiss.Jistgħu jintużaw ukoll f'pazjenti li jeħtieġu antikorpi addizzjonali għall-fejqan ta' ċertu mard infjammatorju (mard awtoimmuni).

KIOVIG huwa użat għal

Trattament ta' pazjenti li m’għandhomx biżżejjed antikorpi (terapija ta' sostituzzjoni). Jeżistu ħames gruppi:

1.Pazjenti li twieldu b'nuqqas ta' produzzjoni ta’ antikorpi (sindromi ta' immunodefiċjenza primarja).

2.Pazjenti b’kanċer tad-demm (lewkimja limfoċitika kronika) li twassal għal nuqqas ta’ produzzjoni ta’ antikorpi u infezzjonijiet rikorrenti meta antibijotiċi preventivi ma jkunux irnexxew.

3.Pazjenti b’kanċer tal-mudullun (majeloma multipla) u nuqqas ta’ produzzjoni ta’ antikorpi b’infezzjonijiet rikorrenti li ma jkunux irrispondew għal tilqima kontra ċerti batterji (pneumococci).

4.Tfal u adolexxenti (bejn 0 u 18-il sena) li jkollhom l-AIDS mit-twelid u infezzjonijiet batterjali rikorrenti.

5.Pazjenti bi produzzjoni baxxa ta’ antikorpi wara trapjant ta’ ċelluli tal-mudullun mingħand persuna oħra.

Trattament ta’ pazjenti b’ċertu disturbi infjammatorji (immunomodulazzjoni). Jeżistu erba’ gruppi:

1.Pazjenti li m’għandhomx biżżejjed plejtlits tad-demm (tromboċitopenija immuni primarja, ITP), u li għandhom riskju għoli ta’ fsada jew li se jgħaddu minn kirurġija fil-futur qarib

2.Pazjenti b’marda li hija assoċjata ma’ infjammazzjonijiet multipli tan-nervituri tal-ġisem kollu (is-sindromu ta’ Guillain Barré)

3.Pazjenti b’marda li tirriżulta f’infjammazzjonijiet multipli ta’ bosta organi tal-ġisem (il-marda ta’ Kawasaki)

4.Pazjenti li jbatu minn kundizzjoni rari kkaratterizzata minn dgħufija tad-dirgħajn/riġlejn assimetrika progressiva mingħajr telf sensorjali (newropatija multifokali tal-moviment, MMN).

2.X'għandek tkun taf qabel ma tuża KIOVIG

Tużax KIOVIG:

jekk inti allerġiku għal immunoglobulini jew għal xi sustanza oħra ta’ din il-mediċina (elenkati fis-sezzjoni 6).

Eżempju, jekk għandek defiċjenza ta’ l-immunoglobulina A, jista' jkollok antikorpi kontra immunoglobulin A fid-demm tiegħek.Minħabba li KIOVIG fih traċċi ta’ immunoglobulina A (inqas minn 0.14 mg/ml), tista’ taqbdek reazzjoni allerġika.

Twissijiet u prekawzjonijiet

Kellem lit-tabib, l-ispiżjar jew l-infermier tiegħek qabel tuża KIOVIG.

Kemm għandu jdum il-monitoraġġ matul l-infużjoni

Inti se tiġi osservat/a b’attenzjoni matul il-perijodu ta’ infużjoni b’KIOVIG sabiex jiġi aċċertat li inti ma ssofrix reazzjoni. It-tabib tiegħek ser jaċċerta ruħu li r-rata ta’ infużjoni ta’ KIOVIG tkun addattata għalik.

Jekk KIOVIG jingħata b’rata għolja, jekk inti tbati minn kundizzjoni b’livelli baxxi ta’ antikorpi fid-demm tiegħek (ipo- jew agammaglobulinimja), jekk inti ma rċevejtx din il-mediċina qabel jew jekk kien hemm intervall twil (eż.bosta ġimgħat) minn meta inti rċevejtu l-aħħar, jista’ jkun hemm riskju akbar ta’ effetti sekondarji. F’każijiet bħal dawn, inti se tiġi mmonitorjat/a mill-qrib matul l-infużjoni tiegħek u għal siegħa wara li l-infużjoni tiegħek tkun intemmet.

Jekk inti diġà rċevejt KIOVIG qabel u rċevejt l-aħħar trattament dan l-aħħar, inti ser tiġi osservat/a biss matul l-infużjoni u għal mill-inqas 20 minuta wara l-infużjoni tiegħek.

Meta jkun meħtieġ li tnaqqas jew li twaqqaf l-infużjoni

F’każijiet rari, il-ġisem tiegħek seta’ għamel reazzjoni għal antikorpi speċifiċi u għalhekk ikun sensittiv għal mediċini li fihom l-antikorpi. Dan jista’ jseħħ b’mod partikolari jekk inti tbati minn defiċjenza ta’ l-immunoglobulina A. F’dawn il-każijiet rari, tista’ tesperjenza reazzjonijiet allerġiċi bħal waqgħa f’daqqa fil-pressjoni tad-demm jew xokk anke jekk fil-passat tkun diġà rċevejt it-trattament b’mediċini li fihom antikorpi.

Jekk tesperjenza reazzjoni matul l-infużjoni ta’ KIOVIG, avża lit-tabib tiegħek minnufih. skond id-deċiżjoni tat-tabib tiegħek, ir-rata ta’ infużjoni tista’ titnaqqas jew l-infużjoni tista’ titwaqqaf għal kollox.

Gruppi ta’ pazjenti speċjali

It-tabib tiegħek se jagħti attenzjoni speċjali jekk inti għandek piż żejjed, inti anzjan/a, dijabetiku/a, jew jekk tbati minn pressjoni għolja, volum baxx tad-demm (ipovolimja), jew tbati minn problemi fil-vini u fl-arterji (mard vaskulari). F’dawn il-kundizzjonijiet, immunoglobulini jistgħu jżidu r-riskju ta’ infart kardijaku, puplesija, emboliżmu pulmonari jew trombożi venuża profonda, għalkemm f’każijiet rari ħafna biss.

Avża lit-tabib tiegħek jekk inti dijabetiku/a.Għalkemm KIOVIG ma fihx zokkor, jista’ jiġi dilwit b’soluzzjoni speċjali biz-zokkor (5% glucose), li tista’ taffettwa l-livell taz-zokkor fid-demm tiegħek.

It-tabib tiegħek se jagħti attenzjoni speċjali fil-każ li inti għandek jew kellek problemi fil-kliewi tiegħek, jew jekk tirċievi prodotti mediċinali li jistgħu jagħmlu ħsara lill-kliewi tiegħek (prodotti mediċinali nefrotossiċi), minħabba li hemm ċans rari ħafna ta’ insuffiċjenza renali akuta.

Jekk jogħġbok avża lit-tabib tiegħek jekk tbati minn xi disturbi fil-kliewi. It-tabib tiegħek jagħżel l-immunoglobulina li tingħata minn ġol vina, adegwata għalik.

Tagħrif fuq il-materjal li hu magħmul minnu KIOVIG

KIOVIG huwa magħmul minn plażma umana (il-parti likwida tad-demm). Meta l-mediċini jkunu magħmulin minn demm uman jew minn plażma umana, jiġu implimentati numru ta’ miżuri sabiex jimpedixxu li infezzjonijiet jgħaddu għall-pazjenti. Dawn jinkludu għażla b’attenzzjoni tad-donaturi tad-demm u tal-plażma sabiex jiġi aċċertat li dawk li jistgħu jġorru infezzjonijiet jiġu esklużi,

u l-ittestjar ta’ kull donazzjoni u kollezzjonijiet ta’ plażma għal sinjali ta’ viri/infezzjonijiet. Il-manifatturi ta' dawn il-prodotti jinkludu wkoll passi fl-ipproċessar tad-demm jew tal-plażma li jistgħu jneħħu l-viri jew jagħmluhom inattivi. Minkejja dawn il-miżuri, meta jingħataw prodotti mediċinali ppreparati minn demm uman jew plażma umana, il-possibbiltà li tiġi trasmessa infezzjoni ma tistax tiġi eskluża għal kollox. Dan japplika wkoll għal kwalunkwe vajrus mhux magħruf jew ġdidjew għal tipi oħra ta' infezzjonijiet.

Il-miżuri meħudin għall-manifattura ta’ KIOVIG huma meqjusin effettivi għal viri enveloped bħal vajrus ta’ l-immunodefiċjenza umana (HIV), vajrus ta’ l-epatite B u vajrus ta’ l-epatite Ċ,

u għall-vajrus ta’ l-epatite A mhux enveloped u parvovirus B19. KIOVIG fih ukoll ċerti antikorpi li jistgħu jimpedixxu infezzjoni b’vajrus ta’ l-epatite A u parvovirus B19.

Mediċini oħra u KIOVIG

Għid lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek jekk qiegħed tieħu, ħadt dan l-aħħar jew tista’ tieħu xi mediċina oħra.

Jekk tkun ingħatajt tilqima matul l-aħħar sitt ġimgħat u sa tliet xhur, l-infużjoni ta’ immunoglobulini bħal KIOVIG tista’ timpedixxi l-effett ta’ xi vaċċini ta’ viri ħajjin bħall-ħosba, rubella, gattone u ġidri r-riħ. Għalhekk, wara li tirċievi immunoglobulini għandek tistenna sa 3 xhur qabel tirċievi il-vaċċin ħaj attenwat tiegħek.Għandeu mnejn ikollok tistenna sa sena wara li tirċievi immunoglobulini qabel tirċievi l-vaċċin kontra l-ħosba.

Effetti fuq it-testijiet tad-demm

KIOVIG fih firxa sħiħa ta’ antikorpi differenti, li wħud minnhom jistgħu jaffettwaw it-testijiet tad-demm. Jekk tagħmel test tad-demm wara li tirċievi KIOVIG, jekk jogħġbok avża lit-tabib jew lill-persuna li tkun qegħda teħodlok id-demm li inti rċevejt il-medikazzjoni.

Tqala, treddigħ u fertilità

Jekk inti tqila jew qed tredda’, taħseb li tista tkun tqila jew qed tippjana li jkollok tarbija, itlob il-parir tat-tabib jew tal-ispiżjar tiegħek qabel tieħu din il-mediċina.

Ma saru ebda provi kliniċi b’KIOVIG f’nisa tqal jew li jkunu qegħdin ireddgħu.Madankollu, mediċini li fihom l-antikorpi, ilhom jintużaw f’nisa tqal jew li qegħdin ireddgħu għal snin sħaħ, u ntwera li m’huma mistennija ebda effetti ta’ ħsara fuq il-kors tat-tqala jew fuq it-tarbija.

Jekk inti qiegħda tredda’ u qiegħda tirċievi KIOVIG, l-antikorpi tal-mediċina jistgħu jinstabu wkoll fil-ħalib tas-sider. Għalhekk, it-tarbija tiegħek tista' tkun protetta minn ċerti infezzjonijiet.

Sewqan u tħaddim ta’ magni

Pazjenti jista’ jkollhom reazzjonijiet (pereżempju sturdament jew nawseja) waqt il-kura b’KIOVIG, li jistgħu jaffettwaw il-ħila biex issuq u tħaddem magni. Jekk dan iseħħ, għandek tistenna sakemm ir-reazzjonijiet ikunu għabu.

3.Kif għandek tuża KIOVIG

KIOVIG huwa ntenzjonat biex jingħata fil-vini (infużjoni f’vina). Jingħatalek mit-tabib jew mill-infermier tiegħek. Id-doża u l-frekwenza tal-infużjoni ser ivarjaw skond il-kundizzjoni u l-piż tal-ġisem tiegħek.

Fil-bidu ta’ l-infużjoni tiegħek, tirċievi KIOVIG b’rata bil-mod. Jiddependi fuq kemm tħossok komdu/a, it-tabib tiegħek jista’ jżid gradwalment ir-rata ta’ infużjoni.

Użu fit-tfal u fl-adolexxenti

L-istess indikazzjonijiet, doża u frekwenza ta’ infużjoni bħal dawk tal-adulti, japplikaw għat-tfal u adolexxenti (minn 0 sa 18-il sena).

Jekk tieħu KIOVIG aktar milli suppost

Jekk tieħu KIOVIG aktar milli suppost, id-demm tiegħek jista’ jsir oħxon wisq (iperviskuż). B’mod partikolari dan jista’ jseħħ meta inti pazjent b’riskju, eż. pazjent anzjan jew pazjent bi problemi fil-kliewi. Kun ċert li tieħu ammont adegwat ta’ fluwidi biex ma tkunx deidrati, u avża lit-tabib tiegħek jekk hu magħruf li għandek problemi mediċi.

4.Effetti sekondarji possibbli

Bħal kull mediċina oħra, din il-mediċina tista’ tikkawża effetti sekondarji, għalkemm ma jidhrux f’kulħadd. Ċerti effetti sekondarji, eż. uġigħ ta’ ras u fwawar, jistgħu jitnaqqsu billi titnaqqas ir-rata ta’ infużjoni.

Hawn taħt hawn lista ta’ effetti sekondarji rrappurtati b’KIOVIG:

Effetti sekondarji komuni ħafna (jistgħu jaffettwaw iktar minn persuna 1 minn kull 10 persuni): Uġigħ ta’ ras, pressjoni tad-demm għolja, dardir, raxx, reazzjonijiet lokali (eż. uġigħ u nefħa jew reazzjonijiet oħrajn fis-sit tal-infużjoni), deni, għeja.

Effetti sekondarji komuni (jistgħu jaffettwaw sa persuna 1 minn kull 10 persuni):

Bronkite, riħ, għadd baxx ta’ ċelluli tad-demm ħomor, glandoli linfatiċi minfuħin, nuqqas ta’ aptit, diffikultà biex torqod, anzjetà, sturdament, emigranja, tnemnim jew tingiż tal-ġilda jew ta’ parti mid-dirgħajn jew riġlejn, tnaqqis fis-sens tal-mess, infjammazzjoni fl-għajnejn, taħbit tal-qalb mgħaġġel, fwawar, sogħla, imnieħer inixxi, sogħla kronika jew tħarħir (ażżma), imnieħer misdud, uġigħ fil-griżmejn, qtugħ ta’ nifs, dijarea, rimettar, uġigħ addominali, indiġestjoni, kontużjoni, ħakk u urtikarja, dermatite, ġilda ħamra, uġigħ f’dahrek, uġigħ fil-ġogi,

uġigħ f’dirgħajk u f’riġlejk, uġigħ fil-muskoli, bugħawwieġ fil-muskoli, dgħjufija muskolari, tertir ta’ bard, akkumulazzjoni ta’ fluwidu taħt il-ġilda, mard bħal dak tal-influwenza, uġigħ jew skonfort fis-sider, nuqqas ta’ saħħa jew sensazzjoni ta' dgħjufija, indispożizzjoni, tregħid.

Effetti sekondarji mhux komuni (jistgħu jaffettwaw sa persuna 1 minn kull 100 persuna): Infezzjoni kronika tal-imnieħer, infezzjonijiet fungali, infezzjonijiet varji (tal-imnieħer u gerżuma, kliewi jew bużżieqa tal-awrina), infjammazzjoni sterili tas-saffi li jiksu l-moħħ, reazzjonijiet allerġiċi serji, disturbi fit-tirojde, rispons eċċessivi għall-istimuli, indeboliment fil-memorja, diffikultà biex titkellem, togħma mhux tas-soltu fil-ħalq, indeboliment fil-bilanċ, rogħda involontarja, uġigħ jew nefħa fl-għajnejn, sturdament, fluwidu fil-parti tan-nofs tal-widna, kesħa periferali, infjammazzjoni fil-vini, nefħa fil-widnejn u fil-gerżuma, nefħa addominali, nefħa mgħaġġla tal-ġilda, infjammazzjoni akuta tal-ġilda, għaraq kiesaħ, żieda fir-reazzjoni tal-ġilda għax-xemx, għaraq eċċessiv anke waqt l-irqad, kontrazzjonijiet tal-muskoli, eċċċess ta’ proteini tas-serum fl-awrina, tagħfis fis-sider, tħoss is-sħana, sensazzjoni ta’ ħruq, nefħa, żieda fir-rata tat-teħid tan-nifs, tibdil fir-riżultati tat-testijiet tad-demm.

Frekwenza mhux magħrufa (ma tistax tittieħed stima mid-data disponibbli):

Qerda ta’ ċelluli tad-demm ħomor, xokk allerġiku serju ta’ periklu għall-ħajja, puplesija temporanja, puplesija, pressjoni tad-demm baxxa, attakk tal-qalb, embolu tad-demm f'vina maġġuri, embolu fl-arterja prinċipali tal-pulmun, akkumulazzjoni ta’ fluwidu fil-pulmun, riżultat pożittiv tat-test ta’ Coombs, tnaqqis tas-saturazzjoni tal-ossiġnu fid-demm, ferita akuta fil-pulmun marbuta mat-trasfużjoni.

Rappurtar tal-effetti sekondarji

Jekk ikollok xi effett sekondarju, kellem lit-tabib, lill-ispiżjar jew l-infermier tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Tista’ wkoll tirrapporta effetti sekondarji direttament permezz tas-sistema ta’ rappurtar nazzjonali imniżżla f’Appendiċi V. Billi tirrapporta l-effetti sekondarji tista’ tgħin biex tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar is-sigurtà ta’ din il-mediċina

5.Kif taħżen KIOVIG

Żomm din il-mediċina fejn ma tidhirx u ma tintlaħaqx mit-tfal.

Tużax din il-mediċina wara d-data ta’ meta tiskadi li tidher fuq it-tikketta u l-kaxxa wara EXP. Id-data ta’ meta tiskadi tirreferi għall-aħħar ġurnata ta’ dak ix-xahar.

Tużax din il-mediċina jekk tinnota frak jew tibdil fil-kulur.

Taħżinx f’temperatura ’l fuq minn 25°C.

Tagħmlux fil-friża.

Żomm ir-reċipjent fil-kaxxa tal-kartun sabiex tilqa’ mid-dawl.

6.Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra

X'fih KIOVIG

Is-sustanza attiva ta’ KIOVIG hija immunoglobulina normali umana.

1 ml ta’ KIOVIG fih 100 mg ta’ proteina umana li mill-inqas 98% tagħha huwa immunoglobulina G (IgG).

Is-sustanzi l-oħra (eċċipjenti) huma glycine u ilma għall-injezzjonijiet.

Kif jidher KIOVIG u l-kontenut tal-pakkett

KIOVIG huwa soluzzjoni għall- infużjoni f'kunjetti ta’ 10, 25, 50, 100, 200 jew 300 ml. Is-soluzzjoni hija ċara jew kemmxejn opalexxenti u bla kulur jew safra ċara.

Jista’ jkun li mhux il-preżentazzjonijiet kollha jkunu fis-suq.

Detentur tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq

Baxter AG

Industriestrasse 67

A-1221 Vienna

L-Awstrija

Tel.: +44(0)1256 894 959

E-mail: medinfoEMEA@shire.com

Manifattur

Baxalta Belgium Manufacturing SA

Boulevard René Branquart, 80

B-7860 Lessines

Il-Belġju

Baxter SA

Boulevard René Branquart 80

B-7860 Lessines

Il-Belġju

Dan il-fuljett kien rivedut l-aħħar f’

Sorsi oħra ta’ informazzjoni

Informazzjoni dettaljata dwar din il-mediċina tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini http://www.ema.europa.eu/.

It-tagħrif li jmiss qed jingħata biss għall-professjonisti fil-qasam mediku:

Metodu ta’ kif għandu jingħata

KIOVIG jista' jingħata biss minn ġol-vini. Postijiet oħra mnejn jingħata għadhom ma ġewx evalwati.

KIOVIG għandu jingħata b'infużjoni ġol-vini b'rata inizjali ta' 0.5 ml/kg piż tal-ġisem/siegħa għal 30 minuta. Jekk din tiġi ttollerata sewwa, ir-rata ta' l-għoti tista', bil-mod il-mod tiżdied għal massimu ta' 6 ml/kg piż tal-ġisem/siegħa. Informazzjoni klinika miksuba minn numru limitat ta' pazjenti tindika wkoll li pazjenti adulti b'PID jista’ jkun li jittolleraw rata ta' infużjoni ta' mhux aktar minn 8 ml/kg BW/siegħa.

Jekk ikun hemm bżonn ta' dilwizzjoni għal konċentrazzjonijiet iktar baxxi qabel l-infużjoni, KIOVIG jista' jiġi dilwit b'soluzzjoni ta’ 5% glucose għal konċentrazzjoni finali ta' 50 mg/ml (5% immunoglobulina).

Kwalunkwe avveniment avvers marbut mal-infużjoni għandu jiġi kkurati billi tbaxxi r-rati tal-infużjoni jew billi twaqqaf l-infużjoni.

Prekawzjonijiet speċjali

Kull każ avvers relatat ma' l-infużjoni għandu jiġi ttrattat billi titbaxxa r-rati ta' infużjoni jew billi l-infużjoni titwaqqaf għal kollox.

Huwa rrakkomandat li kull darba li jingħata KIOVIG, l-isem u n-numru tal-lott tal-prodott jiġu reġistrati.

Inkompatibilitajiet

Dan il-prodott mediċinali m’għandux jitħallat ma’ prodotti mediċinali oħrajn.

Prekawzjonijiet speċjali għall-ħażna

Wara dilwizzjoni għal konċentrazzjonijiet iktar baxxi, huwa rrakkomandat li jintuża minnufih. L-istabbilità waqt l-użu ta' KIOVIG wara dilwizzjoni b'soluzzjoni ta' glucose ta' 5% għal konċentrazzjoni finali ta' 50 mg/ml (5% immunoglobulina) ntweriet għal 21 jum f'temperatura ta’ 2°C sa 8°C kif ukoll f’temperatura ta’ 28°C sa 30°C; madankollu, dawn l-istudji ma nkludewx il-kontaminazzjoni mikrobika u l-aspetti tas-sigurtà.

Struzzjonijiet għall-maniġġar u għar-rimi

Il-prodott għandu jilħaq it-temperatura tal-kamra jew tal-ġisem qabel jintuża.

KIOVIG għandu jiġi spezzjonat viżwalment għal frak u tifi fil-kulur tiegħu qabel jingħata. Soluzzjonijiet li huma ċari għal kemmxejn opalexxenti u bla kulur għal isfar ċar biss għandhom jingħataw. Tużahx jekk tosserva frak jew tifi fil-kulur tiegħu.

Jekk ikun hemm bżonn ta' dilwizzjoni, hija rrakkomandata soluzzjoni ta' 5% ta' glucose. Sabiex tinkiseb soluzzjoni ta' immunoglobulina ta' 50 mg/ml (5%), KIOVIG 100 mg/ml (10%) għandu jiġi dilwit b'volum ugwali tas-soluzzjoni ta' glucose. Huwa rrakkomandat li matul id-dilwizzjoni, ir-riskju ta' kontaminazzjoni mikrobika jiġi minimizzat.

Kull fdal tal-prodott li ma jiġix użat jew skart li jibqa’ wara l-użu tal-prodott għandu jintrema kif jitolbu l-liġijiet lokali.

Rakkomandazzjonijiet dwar id-doża

Indikazzjoni

Doża

Frekwenza tal-injezzjonijiet

Terapija tas-sostituzzjoni

- doża tal-bidu:

 

f’immunodefiċjenza primarja

0.4-0.8 g/kg

 

 

- wara:

kull 3-4 ġimgħat biex tikseb IgG

 

0.2-0.8 g/kg

livell minimu ta’ mill-inqas 5-6 g/l

Terapija tas-sostituzzjoni

0.2-0.4 g/kg

kull 3-4 ġimgħat biex tikseb IgG

f’immunodefiċjenza sekondarja

 

livell minimu ta’ mill-inqas 5-6 g/l

Tfal u adolexxenti bl-AIDS

0.2-0.4 g/kg

kull 3-4 ġimgħat

Ipogammaglobulinemija (< 4 g/l)

0.2-0.4 g/kg

kull 3-4 ġimgħat biex tikseb livell

f’pazjenti wara trapjant ta’ ċelluli

 

minimu ta’ IgG ta’ aktar minn 5 g/l

staminali ematopoietiċi alloġeniċi

 

 

 

 

 

Immunomodulazzjoni:

 

 

Tromboċitopenija immuni primarja

0.8-1 g/kg

f’jum 1, possibbilment ripetuta fi

 

jew

żmien 3 ijiem

 

 

 

0.4 g/kg/jum

għal 2-5 ijiem

Sindrome ta’ Guillain Barré

0.4 g/kg/jum

5 ijiem

Il-marda ta’ Kawasaki

1.6-2 g/kg

f’dożi diviżi għal 2-5 ijiem flimkien

 

jew

ma’ acetylsalicylic acid

 

 

 

2 g/kg

f’doża waħda flimkien ma’

 

 

acetylsalicylic acid

Newropatija Multifokali

doża tal-bidu:

 

tal-Moviment (MMN)

2 g/kg

mogħtija fuq 2-5 jiem

 

doża ta’ manteniment:

 

 

1 g/kg

kull 2-4 ġimgħat

 

jew

jew

 

2 g/kg

kull 4-8 ġimgħat

Kummenti

A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z
  • Għajnuna
  • Get it on Google Play
  • Dwar
  • Info on site by:

  • Presented by RXed.eu

  • 27558

    Drogi ta’ preskrizzjoni elenkati