Maltese
A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z

Olanzapine Mylan (olanzapine) - N05AH03

Updated on site: 08-Oct-2017

Isem tal-MediċinaOlanzapine Mylan
Kodiċi ATCN05AH03
Sustanzaolanzapine
ManifatturGenerics [UK] Ltd.

OLANZAPINE MYLAN

Sommarju tal-EPAR għall-pubbliku

Dan id-dokument huwa sommarju tar-Rapport ta' Valutazzjoni Pubblika Ewropew (EPAR). Jispjega kif il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem (CHMP) ivvaluta l- istudji mwettqa, sabiex jasal għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar kif tintuża l-mediċina. Jekk teħtieġ aktar informazzjoni dwar il-kundizzjoni medika tiegħek jew it-trattament tiegħek, aqra l-Fuljett ta' Tagħrif (huwa parti wkoll mill-EPAR) jew ikkuntattja lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek. Jekk tixtieq aktar informazzjoni relatata mar-rakkomandazzjonijiet ta' CHMP, aqra d- Diskussjoni Xjentifika (ukoll parti mill-EPAR).

X’inhu Olanzapine Mylan?

Olanzapine Mylan huwa mediċina li fiha s-sustanza attiva olanzapine. Huwa disponibbli f'pilloli bojod (tondi: 2.5, 5, 7.5 u 10 mg; ovali: 15 mg u 20 mg).

Olanzapine Mylan huwa ‘mediċina ġenerika’. Dan ifisser li Olanzapine Mylan huwa simili għall- ‘mediċina ta’ referenza’ diġà awtorizzata fl-Unjoni Ewropea (UE) li jisimha Zyprexa. Għall-aktar informazzjoni dwar il-mediċini ġeneriċi, ara d-dokument mistoqsija-u-tweġiba hawn.

Għal xiex jintuża Olanzapine Mylan?

Olanzipine Mylan jintuża fit-trattament tal-iskizofrenija. Din hija marda mentali, li għandha numru ta’ sintomi, inkluż disturbi fil-ħsieb u fid-diskors, alluċinazzjonijiet (jiġifieri d-dehra u s-smigħ ta’ affarijiet li jkunu immaġinarji), suspetti u delirji (thewdin u ħsibijiet żbaljati).Olanzine Mylan huwa effikaċi wkoll biex iżomm it-titjib li jkun sar f’pazjenti li jkunu rrispondew għal kors inizjali ta’ trattament.

Olanzine Mylan tintuża wkoll fit-trattament ta’ episodji moderati jew severi tal-manija (burdata tajba b’mod estrem) f’adulti. Jista’ jintuża wkoll biex jipprevjeni li sintomi ta’ dawn l-episodji jerġgħu jitfaċċaw f’pazjenti b’disturbi polari (marda mentali b’perjodi jalternaw bejn burdata tajba ħafna u depressjoni) li jkunu rrispondew għal kors inizjali ta’ trattament.

Il-mediċina tista' tinkiseb biss b'riċetta tat-tabib.

Kif tintuża Olanzapine Mylan?

Id-doża inizjali rrakomandata ta’ Olanzapine Mylan tiddependi mill-marda li tkun qed tiġi ttrattata: Doża ta’ 10 mg kuljum tintuża għall-iskizofrenija u fil-prevenzjoni ta’ episodji manijaċi, u 15 mg kuljum fit-trattament ta’ episodji manijaċi, sakemm ma tintużax ma’ mediċini oħra, f’liema każ id- doża tal-bidu tista’ tkun ta’ 10 mg kuljum. Id-doża tiġi adattata skont kemm il-pazjent jirrispondi tajjeb għat-trattament u jittollerah. Id-doża normali tvarja bejn 5 u 20 mg kuljum. Il-pazjenti li jkollhom iktar minn 65 sena u pazjenti li jkollhom problemi fil-fwied jew fil-kliewi tagħhom jista’ jkollhom bżonn ta’ doża iktar baxxa fil-bidu 5 mg kuljum. Olanzapine Mylan mhuwiex rakkomandat sabiex jintuża f’pazjenti ta’ inqas minn 18-il sena minħabba nuqqas ta’ tagħrif dwar is-sigurtà u l- effikaċja f’dan il-grupp.

Kif taħdem Olanzapine Mylan?

Is-sustanza attiva f’Olanzapine Mylan, olanzapine, hija mediċina antipsikotika. Hija magħrufa bħala antipsikotiku 'atipiku' minħabba li hija differenti mill-mediċini antipsikotiċi iktar antiki li ilhom disponibbli mill-Ħamsinijiet. Mhux magħruf l-eżatt mekkaniżmu tal-azzjoni tagħha, iżda teħel ma’ diversi riċetturi differenti preżenti fuq is-superfiċje taċ-ċelloli tan-nervituri tal-moħħ. Dan ifixkel is- sinjali trażmessi bejn iċ-ċelloli tal-moħħ permezz ta’ ‘newrotrażmettituri’, sustanzi kimiċi li jħallu liċ- ċelloli tal-moħħ jikkomunikaw ma’ xulxin. Hu maħsub li l-effett benefiku ta’ olanzapine huwa dovut

għall-imblokkar tar-riċetturi għan-newrotrażmettituri 5-idrossitriptamina (5-hydroxytrypamine, msejħa

wkoll serotonina) u dopamina. Billi dawn in-newrotrażmettituri għandhom sehem fl-iskizofrenija u fid-disturbi bipolari, olanzapine jgħin fin-normalizzazzjoni tal-attività tal-moħħ, u b’hekk inaqqas is- sintomi ta’ dawn il-mardiet.

Kif ġie studjat Olanzapine Mylan?

Minħabba li Olanzapine Mylan huwa mediċina ġenerika, l-istudji ġew limitati għal testijiet biex jintwera li hija bijoekwivalenti għall-mediċina ta’ referenza (huma jipproduċu l-istess livelli ta’ sustanza attiva fil-ġisem).

X'inhu r-riskju assoċjat ma’ Olanzapine Mylan?

Minħabba li Olanzapine Mylan huwa mediċina ġenerika u hija bijoekwivalenti għall-mediċina ta’ referenza, il-benefiċċju u r-riskju tiegħu huma meqjusa li huma l-istess bħal dawk tal-mediċina ta’ referenza.

Għaliex ġie approvat Olanzapine Mylan?

Il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem (CHMP) ikkonkluda li, b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-UE, intwera li Olanzine Mylan għandu kwalità komparabbli ma’ Zyprexa u li hija bijoekwivlenti għal din il-mediċina tal-aħħar. Għaldaqstant, il-fehma tas-CHMP kienet li, bħal f’Zyprexa, il-benefiċċji jegħlbu r-riskji identifikati. Il-Kumitat irrakkomanda li Olanzapine Mylan jingħata awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq.

Tagħrif ieħor dwar Olanzapine Mylan:

Il-Kummissjoni Ewropea tat awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq valida madwar l-Unjoni Ewropea kollha, għal Olanzapine Mylan lil Generics [UK] Ltd. fil-7 ta’ Ottubru 2008.

L-EPAR sħiħ għal Olanzapine Mylan jista’ jiġi kkonsultat hawn.

L-EPARs sħaħ għall-mediċina ta’ referenza huma disponibbli fuq il-websajt tal-EMEA wkoll.

Dan is-sommarju ġie aġġornat l-aħħar fi: 08-2008.

Kummenti

A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z
  • Għajnuna
  • Get it on Google Play
  • Dwar
  • Info on site by:

  • Presented by RXed.eu

  • 27558

    Drogi ta’ preskrizzjoni elenkati