Maltese
A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z

Pioglitazone Accord (pioglitazone hydrochloride) – Fuljett ta’ tagħrif - A10BG03

Updated on site: 09-Oct-2017

Isem tal-MediċinaPioglitazone Accord
Kodiċi ATCA10BG03
Sustanzapioglitazone hydrochloride
ManifatturAccord Healthcare Ltd

Fuljett ta’ tagħrif: Informazzjoni għall-utent

Pioglitazone Accord 15 mg pilloli

Pioglitazone Accord 30 mg pilloli

Pioglitazone Accord 45 mg pilloli

Pioglitazone

Aqra sew dan il-fuljett kollu qabel tibda tieħu din il-mediċina peress li fih informazzjoni importanti għalik

-Żomm dan il-fuljett. Jista jkollok bżonn terġa’ taqrah.

-Jekk ikollok xi aktar mistoqsijiet, staqsi lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.

-Din il-mediċina ġiet mogħtija lilek. M’għandekx tgħaddiha lil persuni oħra. Tista’ tagħmlilhom il-ħsara, anki jekk ikollhom l-istess sinjali ta’ mard bħal tiegħek.

-Jekk ikollok xi effett sekondarju kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju possibbli li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Ara sezzjoni 4.

F’dan il-fuljett:

1.X’inhu Pioglitazone Accord u għalxiex jintuża

2.X’għandek tkun taf qabel ma tieħu Pioglitazone Accord

3.Kif għandek tieħu Pioglitazone Accord

4.Effetti sekondarji possibbli

5.Kif taħżen Pioglitazone Accord

6.Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra

1.X’inhu Pioglitazone Accord u għalxiex jintuża

Pioglitazone Accord fih pioglitazone. Huwa mediċina anti-dijabetika użata biex tikkura dijabete mellitus tat-tip 2 (mhux dipendenti mill-insulina) fl-adulti, meta metformin ma jkunx xieraq jew ikun naqas li jaħdem b’mod adegwat. Din hija d-dijabete li ġeneralment tiżviluppa fi stat adult.

Pioglitazone Accord jgħin biex jikkontrolla l-livell ta’ zokkor fid-demm tiegħek meta jkollok dijabete tat-tip 2 billi jgħin lil ġismek jagħmel użu aħjar mill-insulina li qed jipproduċi. It-tabib tiegħek ser jiċċekkja jekk Pioglitazone Accord qed jaħdem 3 sa 6 xhur wara li tibda tieħdu.

Pioglitazone Accord jista jintuża waħdu f’pazjenti li ma jistgħux jieħdu metformin, u fejn trattament ma’ dieta u eżercizzju naqas milli jikkontrolla z-zokkor fid-demm jew jista’ jittieħed flimkien ma’terapiji oħra (bħal metformin, sulphonylurea jew insulina) li naqsu milli jipprovdu kontroll biżżejjed taz-zokkor fid-demm.

2. X’għandek tkun taf qabel ma tieħu Pioglitazone Accord

Tiħux Pioglitazone Accord

-jekk inti allerġiku għal pioglitazone jew għal xi sustanza oħra ta’ din il-mediċina (elenkati fis- sezzjoni 6).

-jekk għandek insuffiċjenza tal-qalb, jew kellek insuffiċjenza tal-qalb fil-passat.

-jekk għandek mard tal-fwied.

-jekk kellek ketoaċidożi dijabetika (kumplikazzjoni tad-dijabete li tikkawża telf ta’piż ta' malajr, dardir jew rimettar).

-jekk għandek jew qatt kellek kanċer tal-bużżieqa.

-jekk għandek demm fl-awrina tiegħek li t-tabib tiegħek ma vverifikax.

Twissijiet u prekawzjonijiet

Kellem lit-tabib jew l-ispiżjar tiegħek qabel tieħu Pioglitazone Accord (ara wkoll Sezzjoni 4).

-jekk inti żżomm l-ilma (żamma ta’fluwidu) jew ikollok problemi ta’ insuffiċjenza tal-qalb, b'mod partikulari jekk għandek' l fuq minn 75 sena. Jekk tieħu mediċini anti-infjammatorji li jistgħu wkoll jikkawżaw retenzjoni ta’ fluwidu u nefħa, inti trid ukoll tgħid lit-tabib tiegħek.

-jekk għandek tip speċjali ta’ marda dijabetika tal-għajn imsejħa edema makulari (nefħa tal-parti ta’ wara tal-għajn).

-jekk għandek ċisti fuq l-ovarji tiegħek (sindromu tal-ovarji poliċistiċi). Jista’ jkun hemm possibilità akbar li inti toħroġ tqila minħabba li jista jerġa jkollok ovulazzjoni meta tieħu Pioglitazone Accord. Jekk dan japplika għalik, uża kontraċezzjoni xierqa biex tevita il- possibbiltà ta’ tqala mhux ippjanata.

-jekk għandek problema bil-fwied jew bil-qalb tiegħek. Qabel ma tibda tieħu Pioglitazone Accord kampjun tad-demm jiġi meħud biex jiġi iċċekkjat il-funzjoni tal-fwied tiegħek. Dan il- kontroll jista’ jkun ripetut f'intervalli. Xi pazjenti b’dijabete mellitus tat-tip 2 għal żmien twil u b’mard tal-qalb jew aċċessjoni minn qabel li kienu kkurati b’Pioglitazone Accord u insulina kellhom żvilupp ta’ insuffiċjenza tal-qalb. Kellem lit-tabib tiegħek minnufih jekk ikollok sinjali ta’ insuffiċjenza tal-qalb bħal qtugħ ta’ nifs mhux tas-soltu jew żieda f’daqqa fil-piż jew nefħa lokalizzata (edima).

Jekk tieħu Pioglitazone Accord ma’mediċini oħra għad-dijabete, huwa iktar probabbli li z-zokkor fid- demm tiegħek jista' jaqa’ taħt il-livell normali (ipogliċemija).

Inti tista’ wkoll tesperjenza tnaqqis fl-għadd tad-demm (anemija).

Ksur fl-għadam

Numru akbar ta’ fratturi fl-għadam deher f’pazjenti, partikolarment fin-nisa li kienu qed jieħu pioglitazone. It-tabib tiegħek se jikkunsidra dan waqt li jikkura d-dijabete tiegħek.

Tfal u adolexxenti

L-użu fit-tfal u fl-adolexxenti taħt it-18-il sena mhux rakkomandat.

Mediċini oħra u Pioglitazone Accord

Għid lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek jekk qiegħed tieħu, ħadt dan l-aħħar jew tista’ tieħu xi mediċina oħra anki dawk mingħajr riċetta.

Ġeneralment int se tkun tista’ tibqa tieħu mediċini oħra waqt li qed tiġi kkurat b’Pioglitazone Accord. Madankollu, ċerti mediċini huma speċjalment probabbli li jaffettwaw l-ammont ta’ zokkor fid-demm tiegħek:

-gemfibrizol (użati biex ibaxxu l-kolesterol)

-rifampicin (jintużaw biex jikkuraw it-tuberkulożi u infezzjonijiet oħra)

Għid lit-tabib jew spiżjar tiegħek jekk qed tieħu xi wieħed minn dawn. Iz-zokkor fid-demm tiegħek ser jiġi kkontrollat, u d-doża tiegħek ta' Pioglitazone Accord tista teħtieġ li tiġi mibdula.

Pioglitazone Accord ma’ ikel u xorb

Tista’ tieħu l-pilloli tiegħek ma’ l-ikel jew mingħajr ikel. Għandek tibla’ il-pilloli ma’ tazza ilma.

Tqala u treddigħ

Għid lit-tabib tiegħek jekk:

-inti tqila, taħseb li tista’ tkun tqila jew qed tippjana li jkollok tarbija.

-inti qed tredda’ jew qed tippjana li tredda’ lit-tarbija tiegħek.

It-tabib tiegħek se jagħtik parir biex twaqqaf din il-mediċina.

Sewqan u tħaddim ta’ magni

Din il-mediċina ma taffettwax il-ħila tiegħek li ssuq jew li tħaddem magni, imma ħu ħsieb jekk ikollok vista anormali.

Pioglitazone Accord fih lactose monohydrate

Jekk it-tabib tiegħek qallek li għandek intolleranza għal xi zokkrijiet, kellem lit-tabib tiegħek qabel ma tieħu Pioglitazone Accord.

3.Kif għandek tieħu Pioglitazone Accord

Dejjem għandek tieħu din il-mediċina skont il-parir eżatt tat-tabib jew l-ispiżjar tiegħek. Dejjem għandek taċċerta ruħek mat-tabib jew mal-ispiżjar tiegħek jekk ikollok xi dubju.

Id-doża normali tal-bidu hija pillola waħda ta’ 15 mg jew ta’ 30 mg pioglitazone li għandha tittieħed darba kuljum. It-tabib tiegħek jista’ jżid id-doża għall-massimu ta’ 45 mg darba kuljum. It-tabib tiegħek se jgħidlek id-doża li għandek tieħu.

Jekk taħseb li l-effett tal-Pioglitazone Accord huwa dgħajjef wisq, kellem lit-tabib tiegħek.

Pioglitazone Accord jista jintuża waħdu f’pazjenti li ma jistgħux jieħdu metformin, u fejn trattament ma’ dieta u eżercizzju naqas milli jikkontrolla z-zokkor fid-demm jew jista’ jittieħed flimkien ma’terapiji oħra (bħal metformin, sulphonylurea jew insulina) li naqsu milli jipprovdu kontroll biżżejjed taz-zokkor fid-demm.

It-tabib tiegħek se jitolbok tagħmel testijiet tad-demm perjodiċi waqt il-kura b’Pioglitazone Accord. Dan sabiex jiċċekkja li l-fwied tiegek qed jaħdem kif suppost.

Jekk qed issegwi dieta speċjali għad-dijabete, għandek tkompli biha waqt li qed tieħu Pioglitazone Accord.

Il-piż tiegħek għandu jiġi ċċekkjat f’intervalli regolari; jekk il-piż tiegħek jiżdied, għid lit-tabib tiegħek.

Jekk tieħu Pioglitazone Accord aktar milli suppost

Jekk bi żball tieħu wisq pilloli, jew jekk xi ħadd ieħor jew tifel/tifla jieħdu l-mediċina tiegħek, kellem minnufih lill-tabib jew spiżjar. Iz-zokkor fid-demm tiegħek jista’jaqa' taħt il-livell normali u jista jiżdied biz-zokkor. Huwa rakkomandat li inti żżomm fuqek xi ħelu taz-zokkor, ħelu, gallettini jew meraq tal-frott li fih iz-zokkor.

Jekk tinsa tieħu Pioglitazone Accord

Ħu Pioglitazone Accord kuljum kif preskritt. Iżda jekk tinsa tieħu doża, kompli bid-doża li jmiss kif suppost. M’għandekx tieħu doża doppja biex tpatti għal kull pillola li tkun insejt tieħu.

Jekk tieqaf tieħu Pioglitazone Accord

Pioglitazone Accord għandu jintuża kuljum biex jaħdem kif suppost. Jekk tieqaf tieħu Pioglitazone Accord, iz-zokkor fid-demm tiegħek jista jogħla. Kellem lit-tabib tiegħek qabel ma twaqqaf dan it- trattament.

Jekk għandek aktar mistoqsijiet dwar l-użu ta’ din il-mediċina, staqsi lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.

4.Effetti sekondarji possibbli

Bħal kull mediċina oħra, din il-mediċina tista’ tikkawża effetti sekondarji, għalkemm ma jidhrux fuq kulħadd.

B’mod partikolari, xi pazjenti esperjenzaw l-effetti sekondarji serji li ġejjin:

Insufficjenza tal-qalb kienet esperjenzata b’mod komuni (tista’ taffettwa sa persuna waħda minn kull 10) f’pazjenti li jieħdu Pioglitazone Accord flimkien mal-insulina. Is-sintomi huma qtugħ ta’ nifs

mhux tas-soltu jew żieda rapida fil-piż jew nefħa lokalizzata (edema). Jekk tesperjenza xi wieħed minn dawn, speċjalment jekk għandek 'l fuq minn 65 sena, fittex parir mediku minnufih.

Kanċer tal-bużżieqa ġie esperjenzat b'mod mhux komuni (jista’ jaffettwa sa persuna waħda minn kull 100) f'pazjenti li jieħdu Accord. Sinjali u sintomi jinkludu demm fl-awrina tiegħek, uġigħ meta tgħaddi l-awrina jew ħtieġa f’daqqa biex tgħaddi l-awrina. Jekk tesperjenza xi wħud minn dawn, kellem lit-tabib tiegħek minnufih.

Nefħa lokalizzata (edema) kienet ukoll esperjenzata b’mod komuni ħafna (tista’ taffettwa aktar minn persuna waħda minn kull 10) f’pazjenti li jieħdu Pioglitazone Accord flimkien mal-insulina. Jekk tesperjenza dan l-effett sekondarju, kellem lit-tabib tiegħek minnufih.

Ksur tal-għadam kien irrappurtat b’mod komuni (jista’ jaffettwa sa persuna waħda minn kull 10) f’pazjenti femminili li jieħdu Pioglitazone Accord u kien irrappurtat ukoll f’pazjenti maskili (il- frekwenza ma tistax tiġi stamta mid-dejta disponibbli) li jieħdu Pioglitazone Accord. Jekk tesperjenza dan l-effett sekondarju, kellem lit-tabib tiegħek minnufih.

Vista mċajpra minħabba nefħa (jew fluwidu) fil-part ta’ wara tal-għajn (frekwenza ma tistax tiġi stmata mid-dejta disponibbli) kienet ukoll irrappurtata f’pazjenti li jieħdu Pioglitazone Accord. Jekk tħoss dawn is-sintomi għall-ewwel darba, kellem lit-tabib tiegħek minnufih. Ukoll, jekk diġa għandek vista mċajpra jew jekk is-sintomi jaqilbu għall-agħar, kellem lit-tabib tiegħek minnufih.

Reazzjonijiet allerġiċi kienu rrappurtati (frekwenza ma tistax tiġi stmata mid-dejta disponibbli) f'pazjenti li ħadu Pioglitazone Accord. Jekk ikollok xi reazzjoni allerġika serja, inkluż urtikarja u nefħa tal-wiċċ, xufftejn, ilsien, jew gerżuma li tista’ tikawża diffikultà fin-nifs jew biex tibla tibqax tieħu din il-mediċina u kellem lit-tabib tiegħek mill-aktar fis possibbli.

Effetti sekondarji oħra li ġew esperjenzati minn uħud mill-pazjenti li jieħdu Pioglitazone Accord huma:

komuni (jistgħu jaffettwaw sa persuna waħda minn kull 10)

-infezzjoni respiratorja

-vista mhux normali

-żieda fil-piż

-tirżiħ

mhux komuni (jistgħu jaffettwaw sa persuna waħda minn kull 100)

-sinusite

-insonnja

mhux maghrufa (frekwenza ma tistax tiġi stmata mid-dejta disponibbli)

-żieda fl-enżimi tal-fwied

-reazzjonijiet allerġiċi

Effetti sekondarji oħra li jmiss ġew esperjenzati minn xi pazjenti meta Pioglitazone Accord jittieħed ma’ mediċini antidijabetiċi oħra huma:

komuni hafna (jistgħu jaffettwaw aktar minn persuna waħda minn kull 10)

-tnaqqis taż-żokkor fid-demm (ipogliċemija)

komuni (jistgħu jaffettwaw sa persuna waħda minn kull 10)

-uġigħ ta’ ras

-sturdament

-uġigħ fil-ġogi

-impotenza

-uġigħ fid-dahar

-qtugħ ta’ nifs

-tnaqqis żgħir fl-għadd taċ-ċelloli ħomor tad-demm

-gass

mhux komuni (jistgħu jaffettwaw sa persuna waħda minn kull 100)

-zokkor fl-awrina, proteina fl-awrina

-żieda fl-enżimi

-vertigo

-tgħoroq

-għejja

-żieda fl-aptit

Rappurtar tal-effetti sekondarji

Jekk ikollok xi effett sekondarju, kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Tista’ wkoll tirrapporta effetti sekondarji direttament permezz tas-sistema ta’ rappurtar nazzjonali imniżżla f’Appendiċi V. Billi tirrapporta l-effetti sekondarji tista’ tgħin biex tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar is-sigurtà ta’ din il-mediċina.

5.Kif taħżen Pioglitazone Accord

Żommu din il-mediċina fejn ma tidhirx u ma tintlaħaqx mit-tfal.

Tużax din il-mediċina wara d-data ta’ meta tiskadi li tidher fuq l-istrixxa u l-kartuna wara l-kelma ‘JIS’. Id-data ta’ meta tiskadi tirreferi għall-aħħar ġurnata ta’ dak ix-xahar.

Din il-mediċina m’għandhiex bżonn ħażna speċjali.

Tarmix mediċini mal-ilma tad-dranaġġ jew mal-iskart domestiku. Staqsi lill-ispiżjar tiegħek dwar kif għandek tarmi mediċini li m’għadekx tuża. Dawn il-miżuri jgħinu għall-protezzjoni tal-ambjent.

6. Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra

X’fih Pioglitazone Accord

Is-sustanza attiva ta’ Pioglitazone Accord hija pioglitazone.

Kull pillola ta’ Pioglitazone Accord 15 mg fiha 15 mg ta’ pioglitazone (bħala hydrochloride).

Kull pillola ta’ Pioglitazone Accord 30 mg fiha 30 mg ta’ pioglitazone (bħala hydrochloride).

Kull pillola ta’ Pioglitazone Accord 45 mg fiha 45 mg ta’ pioglitazone (bħala hydrochloride).

Is-sustanzi l-oħra huma lactose monohydrate, carmellose calcium, hydroxypropyl cellulose (E 465), magnesium stearate (E 572).

Kif jidher Pioglitiazone Accord u l-kontenut tal-pakkett

Pioglitazone Accord 15 mg huma pilloli bojod għal abjad jagħti fil-griż, tondi, bikonvessi, mhux miksija, imnaqqxin b’‘P’ fuq naħa u b’‘15’ fuq in-naħa l-oħra.

Pioglitazone Accord 30 mg huma pilloli bojod għal abjad jagħti fil griż, ċatti, tondi, mhux miksijin bi truf iċċanfrati u mmarkati b’‘PIO’ fuq naħa waħda u b’‘30’ fuq in-naħa l-oħra.

Pioglitazone Accord 45 mg huma pilloli bojod għal abjad jagħti fil griż, ċatti, tondi, mhux miksijin bi truf iċċanfrati u mmarkati b’‘PIO’ fuq naħa waħda u b’‘45’ fuq in-naħa l-oħra.

Pioglitazone Accord jiġi f’pakketti ta’ strixxi tal-Aluminju/Aluminju li fihom 14, 28, 30, 50, 56, 84, 90, 98, 112 u 196 pillola.

Jista’ jkun li mhux il-pakketti tad-daqsijiet kollha jkunu għal skop kummerċjali.

Detentur tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq u l-Manifattur

Accord Healthcare Limited

Sage House, 319 Pinner road, North Harrow, HA1 4 HF, Middlesex

Ir-Renju Unit

Dan il-fuljett kien rivedut l-aħħar f’ <{XX/SSSS}>

Informazzjoni dettaljata dwar din il-mediċina tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall- Mediċini http://www.ema.europa.eu

Dan il-fuljett huwa disponibbli fil-lingwi kollha tal-UE/EEA fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.

Kummenti

A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z
  • Għajnuna
  • Get it on Google Play
  • Dwar
  • Info on site by:

  • Presented by RXed.eu

  • 27558

    Drogi ta’ preskrizzjoni elenkati