Maltese
A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z

Plenadren (hydrocortisone) – Fuljett ta’ tagħrif - H02AB09

Updated on site: 09-Oct-2017

Isem tal-MediċinaPlenadren
Kodiċi ATCH02AB09
Sustanzahydrocortisone
ManifatturShire Services BVBA

Fuljett ta’ tagħrif: Informazzjoni għall-pazjent

Plenadren 5 mg pilloli li jerħu l-mediċina b’mod modifikat

Plenadren 20 mg pilloli li jerħu l-mediċina b’mod modifikat

Hydrocortisone

Aqra sew dan il-fuljett kollu qabel tibda tieħu din il-mediċina peress li fih informazzjoni importanti għalik.

-Żomm dan il-fuljett. Jista’ jkollok bżonn terġa’ taqrah.

-Jekk ikollok aktar mistoqsijiet, staqsi lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.

-Din il-mediċina ġiet mogħtija lilek. M’għandekx tgħaddiha lil persuni oħra. Tista’ tagħmlilhom il-ħsara, anki jekk ikollhom l-istess sinjali ta’ mard bħal tiegħek.

-Jekk ikollok xi effett sekondarju kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju possibbli li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Ara sezzjoni 4.

F’dan il-fuljett:

1.X’inhu Plenadren u għalxiex jintuża

2.X’għandek tkun taf qabel ma tieħu Plenadren

3.Kif għandek tieħu Plenadren

4.Effetti sekondarji possibbli

5.Kif taħżen Plenadren

6.Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra

1.X’inhu Plenadren u gћalxiex jintuża

Plenadren fih sustanza msejħa hydrocortisone (xi drabi msejħa kortisol). Hydrocortisone huwa glukokortikojde. Jagħmel parti minn grupp ta’ mediċini li jissejħu kortikosterojdi. Il-glukokortikojdi huma preżenti b’mod naturali fil-ġisem, u jgħinu għaż-żamma tas-saħħa ġenerali u l-benesseri tiegħek.

Plenadren jintuża fl-adulti fil-kura ta’ kundizzjoni magħrufa bħala insuffiċjenza adrenali, jew defiċjenza ta’ kortisol. L-insuffiċjenza adrenali sseħħ meta l-glandoli adrenali tiegħek (ftit ’il fuq mill- kliewi) ma jipproduċux biżżejjed ammont tal-ormon kortisol. Il-pazjenti li jbatu minn insuffiċjenza adrenali fit-tul (kronika) jeħtieġu terapija ta’ sostituzzjoni biex jgħixu.

Plenadren jieħu post il-kortisol naturali li huwa nieqes fl-insuffiċjenza adrenali. Il-mediċina twassal il- hydrocortisone fil-ġisem tiegħek matul il-ġurnata. Il-livelli ta’ kortisol fid-demm tiegħek jiżdied malajr għal livell massimu, madwar siegħa wara li tieħu l-pillola filgħodu, u mbagħad jonqos gradwalment mal-ġurnata bi kważi l-ebda livell ta’ kortisol fid-demm tard filgħaxija u bil-lejl meta l- livelli għandhom ikunu baxxi.

2.X'għandek tkun taf qabel ma tieħu Plenadren

Tiħux Plenadren

-jekk inti allerġiku għal hydrocortisone jew għal xi sustanza oħra ta’ din il-mediċina (elenkati fis-sezzjoni 6).

Twissijiet u prekawzjonijiet

Kellem lit-tabib jew l-ispiżjar tiegħek qabel tieħu Plenadren

-meta għandek kundizzjoni li tfixklek milli tieħu din il-mediċina jew meta l-mediċina ma tiġix assorbita sew mill-istonku tiegħek. Dan jista’ jseħħ meta jkollok problemi fl-istonku li jinvolvu rimettar u/jew dijarea. F’dawn is-sitwazzjonijiet għandek tfittex kura medika minnufih sabiex tirċievi kura permezz ta’ injezzjonijiet ta’ hydrocortisone u tingħata fluwidi addizzjonali.

-jekk għandek mard temporanju jew li jdum għal żmien qasir bħal infezzjonijiet, deni jew sitwazzjonijiet li jikkawżaw ammont kbir ta’ stress fiżiku, bħal kirurġija: id-doża tiegħek ta’ hydrocortisone għandha tiżdied b’mod temporanju. Staqsi lit-tabib tiegħek immedjatament għal informazzjoni dwar x’għandek tagħmel f’dawn is-sitwazzjonijiet. Jekk ser tagħmel xi operazzjoni kirurġika, għid lit-tabib/dentist tiegħek li qed tieħu din il-mediċina qabel il- kirurġija.

-Jekk għal xi raġuni s-saħħa ġenerali tiegħek sejra lura għalkemm qed tieħu l-mediċina tiegħek kif ordnata; fittex attenzjoni medika minnufih.

-jekk il-glandola tat-tirojde tiegħek mhijiex qiegħda taħdem b’mod normali għid lit-tabib tiegħek minħabba li jista’ jkun hemm il-bżonn li d-doża tiegħek ta’ Plenadren tiġi mibdula.

Tfal u adolexxenti

Plenadren mhuwiex rakkomandat għall-użu fit-tfal u l-adolexxenti taħt it-18-il sena għax ma ġiex studjat f’dawn il-pazjenti.

Mediċini oħra u Plenadren

Għid lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek jekk qiegħed tieħu, ħadt dan l-aħħar jew tista’ tieħu xi mediċina oħra. Waqt kura fit-tul b’mediċini għall-kura ta’ infezzjonijiet (antibijotiċi) jista’ jkun hemm il-bżonn li d-doża ta’ Plenadren tiġi mibdula mit-tabib tiegħek. Jekk użat ma’ mifepristone, kura użata biex ittemm it-tqala, l-effett ta’ Plenadren jista’ jitnaqqas.

Barra minn hekk, għid lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek jekk qed tuża xi waħda mill-mediċini li ġejjin, minħabba li jista’ jkun hemm il-bżonn li d-doża ta’ Plenadren tinbidel:

Phenytoin, carbamazepine u barbiturates – użati fil-kura tal-epilessija

Rifampicin jew rifabutin - użati fil-kura tat-tuberkolożi

Ritonavir, efavirenz u nevirapine – użati fil-kura tal-infezzjoni tal-HIV

St.John’s wort - użat fil-kura tad-dipressjoni u ta’ kundizzjonijiet oħra

Ketoconazole, itraconazole, posaconazole u voriconazole - użati fil-kura ta’ infezzjonijiet fungali

Erythromycin, telithromycin u chlarithromycin - użati fil-kura ta’ infezzjonijiet batterjali

Plenadren ma’ ikel u xorb

Tiħux din il-mediċina mal-meraq tal-grejpfruit minħabba li l-meraq ifixkel l-azzjoni ta’ din il-mediċina.

Tqala, treddigħ u fertilità

Jekk inti tqila jew qed tredda’, taħseb li tista’ tkun tqila jew qed tippjana li jkollok tarbija, itlob il-parir tat-tabib jew tal-ispiżjar tiegħek qabel tieħu din il-mediċina.

Huwa importanti li tkompli l-kura bi Plenadren matul it-tqala. Mhuwiex probabbli li l-kura f’nisa tqal bl-insuffiċjenza adrenali tikkawża xi effetti ta’ ħsara fuq l-omm u/jew it-tarbija. Għandek tgħid lit- tabib tiegħek jekk tinqabad tqila minħabba li jista’ jkun hemm il-bżonn li d-doża tiġi mibdula.

Tista’ tredda’ waqt il-kura bi Plenadren. Hydrocortisone jiġi eliminat fil-ħalib tal-omm. Mhuwiex probabbli li d-dożi ta’ hydrocortisone użati għal terapija ta’ sostituzzjoni jkollhom xi effett fuq it- tarbija. Madanakollu, kellem lit-tabib tiegħek jekk qiegħda tippjana li tredda’ t-tarbija tiegħek.

Il-fertilità f’nisa b’insuffiċjenza adrenali jew defiċjenza ta’ cortisol tista’ titnaqqas. M’hemm l-ebda indikazzjoni li Plenadren, f’dożi użati għat-terapija ta’ sostituzzjoni, se jkollu effett fuq il-fertilità.

Sewqan u tħaddim ta’ magni

Din il-mediċina jista’ jkollha effett minuri fuq il-kapaċità tiegħek li ssuq u tħaddem magni. Ġew irrappurtati każijiet ta’ għejja estrema u episodji ta’ sturdament li jgħaddi malajr (vertigo). L- insuffiċjenza adrenali li mhijiex ikkurata jew li mhijiex ikkurata sew tnaqqaslek l-abbiltà li tikkonċentra u dan jaffettwalek il-ħila li ssuq u tħaddem magni. Għalhekk huwa importanti li tieħu din il-mediċina kif ordnalek it-tabib tiegħek waqt li tkun ser issuq jew tħaddem magni. Jekk tiġi affettwat/a issuqx jew tħaddimx magni, sakemm ma tkunx iddiskutejt il-kwistjoni mat-tabib tiegħek.

3.Kif gћandek tieћu Plenadren

Dejjem għandek tieħu din il-mediċina skont il-parir eżatt tat-tabib jew l-ispiżjar tiegħek. Dejjem għandek taċċerta ruħek mat-tabib jew mal-ispiżjar tiegħek jekk ikollok xi dubju. Id-doża hija speċifika għalik u tiġi deċiża mit-tabib tiegħek.

Meta tqum filgħodu ibla’ l-pilloli ta’ Plenadren sħaħ b’tazza ilma mill-inqas nofs siegħa qabel il-kolazzjon tiegħek, preferibbilment bejn is-6.00am u t-8.00am ta’ filgħodu.

Preferibbilment għandek tkun f’pożizzjoni wieqfa.

Taqsamx, tfarrakx u tomgħodx il-pilloli. Dawn il-pilloli jagħtu hydrocortisone fil-ġisem tiegħek matul il-ġurnata kollha. Jekk jinqasmu, jitfarrku jew jintmagħdu dan jista’ jwaqqaf id-doża ta’ hydrocortisone fil-pillola milli tkopri l-ġurnata kollha, kif suppost tagħmel.

Il-ħtieġa għal dożi addizzjonali ta’ Plenadren

Matul mard temporanju jew mard li jdum għal żmien qasir bħal infezzjoni, deni, jew stress fiżiku bħal kirurġija tkun teħtieġ aktar hydrocortisone minħabba li l-ġisem ma jistax jipproduċi l-ammont żejjed ta’ kortisol meħtieġ f’dawn is-sitwazzjonijiet. Għalhekk id-doża għandha tiżdied b’mod temporanju u t- tabib tiegħek jista’ jagħtik parir li tuża pilloli oħra ta’ hydrocortisone minflok, jew ma’ Plenadren. Jekk jogħġbok, iddiskuti dan mat-tabib tiegħek u segwi l-istruzzjonijiet dwar kif għandek taġixxi f’dawn is- sitwazzjonijiet.

Jista’ jkun hemm il-bżonn li d-doża ta’ kuljum ta’ Plenadren tiġi rduppjata jew ittriplikata f’kundizzjonijiet aktar ħfief bħal infezzjoni ħafifa jew stress. F’dan il-każ għandek tieħu t-tieni doża ta’ din il-mediċina minn 6 sa 10 sigħat wara d-doża ta’ filgħodu. Jekk dan mhuwiex biżżejjed biex tirdoppja d-doża ta’ kuljum, għandek tieħu t-tielet doża minn 6 sa 10 sigħat wara t-tieni doża (intervalli ta’ 6-

10 sigħat bejn id-dożi). Meta tfieq mill-marda, erġa’ lura għad-doża normali ta’ manteniment ta’ din il- mediċina.

Is-sinjali u s-sintomi li ġejjin jistgħu jissuġġerixxu li inti jkollok bżonn tieħu dożi addizzjonali ta’ Plenadren jew forom oħrajn ta’ hydrocortisone: għeja, telf ta’ piż, dwejjaq fl-istonku, tħossok stordut meta tqum bilwieqfa minn bilqieghda, jew ikollok il-mejt meta tkun bilwieqfa, il-ġilda tiegħek tiskura, b’mod partikulari fejn ikun hemm it-tikmix u f’żoni esposti. Ikkuntattja lit-tabib tiegħek immedjatament għal parir jekk tinnota xi wieħed minn dawn is-sintomi.

Madankollu, fittex għajnuna medika immedjata jekk tinnota kwalunkwe minn dawn li ġejjin: dgħufija severa, ħass ħażin, uġigħ ta’ żaqq, dardir, rimettar, uġigħ fid-dahar, konfużjoni, tnaqqis fil- koxjenza, delirju (tkun fi stat konfuż ħafna).

Jekk tieħu Plenadren aktar milli suppost

Doża għolja wisq ta’ din il-mediċina għal aktar minn ftit ġranet tista’ tkun ta’ ħsara għal saħħtek. Il- pressjoni tad-demm tiegħek tista’ tiżdied, tista’ żżid fil-piż u l-livell taz-zokkor fid-demm tiegħek jista’ jogħla wisq. Kultant ikun hemm il-bżonn ta’ żieda fid-doża ta’ din il-mediċina biex il-ġisem ilaħħaq ma’ żieda fl-istress bħal deni. Jekk ikun hemm il-bżonn li dożi żejda ta’ din il-mediċina jingħataw ta’ spiss u regolarment, għandek tikkuntattja lit-tabib tiegħek għal evalwazzjoni mill-ġdid tad-doża ta’ manteniment tiegħek.

Jekk tinsa tieħu Plenadren

Jekk insejt tieħu l-pillola tiegħek filgħodu, ħudha malajr kemm jista’ jkun wara dan. M’għandekx tieħu doża doppja biex tpatti għal kull doża li tkun insejt tieħu. Jekk ikollok kwalunkwe sinjali jew sintomi elenkati fis-sezzjoni “Il-ħtieġa għal dożi addizzjonali ta’ Plenadren”, ikkuntattja lit-tabib tiegħek immedjatament.

Jekk tieqaf tieħu Plenadren

Jekk tieqaf tieħu Plenadren dan jista’ jkun fatali. Għalhekk huwa importanti li tkompli tieħu din il- mediċina kif ordnalek it-tabib tiegħek. Tieqafx teħodha mingħajr ma tikkonsulta lit-tabib tiegħek.

Jekk għandek aktar mistoqsijiet dwar l-użu ta’ din il-mediċina, staqsi lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.

4.Effetti sekondarji possibbli

Bħal kull mediċina oħra, din il-mediċina tista’ tikkawża effetti sekondarji, għalkemm ma jidhrux f’ kulħadd.

Jekk qiegħed taqleb il-kura minn pilloli oħra ta’ hydrocortisone għal Plenadren tista' tesperjenza xi effetti sekondarji matul l-ewwel ġimgħat. Dawn l-effetti sekondarji jistgħu jkunu: uġigħ fl-istonku, tħossok ma tiflaħx u għejja. Normalment dawn jitilqu biż-żmien, jekk le ikkuntattja lit-tabib tiegħek.

L-effetti sekondarji ta’ din il-mediċina huma:

Komuni ħafna (jistgħu jaffetwaw iktar minn 1 minn kull 10 persuni)

Sturdament

Uġigħ ta’ ras

Dijarea

Għejja

Komuni (jistgħu jaffetwaw sa 1 minn kull 10 persuni)

Uġigħ fl-istonku/ħruq ta’ stonku, tħossok ma tiflaħx jew imdardar/imdardra

Uġigħ fil-ġogi

Raxx

Ħakk

Ġew irrapportati effetti sekondarji addizzjonali għal mediċini oħra li fihom hydrocortisone. Dawn il- mediċini ngħataw ukoll għal indikazzjonijiet oħra minbarra bħala terapija ta’ sostituzzjoni fl- insuffiċjenza adrenali, ħafna drabi f’dożi ogħla. Il-frekwenza ta’ dawn l-effetti sekondarji possibbli mhijiex magħrufa (il-frekwenza ma tistax tiġi stmata mid-dejta disponibbli). Kellem lit-tabib tiegħek jekk tesperjenza xi wieħed minn dawn l-effetti sekondarji:

Aktar suxxettibbli għal infezzjoni

Dijabete jew problemi bil-livelli ta’ zokkor fid-demm (li jihdru fit-testijiet tad-demm)

Żamma tal-melħ u tal-ilma li jikkawża nefħa u żieda fil-pressjoni tad-demm (li jidhru waqt eżaminazzjoni medika) u livelli baxxi ta’ potassju fid-demm

Tibdil fil-burdata bħal sensazzjonijiet ta’ eċċitament żejjed jew telf tal-kuntatt mar-realtà

Diffikultà fl-irqad

Żieda fil-pressjoni tal-għajnejn (glawkoma), tiċpir tal-lenti tal-għajn (kataretti)

Ħruq ta’ stonku, aggravament ta’ ulċera eżistenti fl-istonku

Dgħjufija fl-għadam – dan jista’ jikkawża ksur fl-għadam

Stretch marks, tbenġil, raxx qisu akne, tkabbir eċċessiv ta’ xagħar tal-wiċċ, fejqan bil-mod ta’ feriti

Rappurtar tal-effetti sekondarji

Jekk ikollok xi effett sekondarju, kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Tista’ wkoll tirrapporta effetti sekondarji direttament permezz tas-sistema ta’ rappurtar nazzjonali imniżżla f’Appendiċi V. Billi tirrapporta l-effetti sekondarji tista’ tgħin biex tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar is-sigurtà ta’ din il-mediċina

5.Kif taħżen Plenadren

Żomm din il-mediċina fejn ma tidhirx u ma tintlaħaqx mit-tfal.

Tużax din il-mediċina wara d-data ta’ meta tiskadi li tidher fuq it-tikketta tal-flixkun u l-kartuna wara JIS. Id-data ta’ meta tiskadi tirreferi għall-aħħar ġurnata ta’ dak ix-xahar.

Din il-mediċina ma għandhiex bżonn ta’ kundizzjonijiet speċjali għall-ħażna.

Tarmix mediċini mal-ilma tad-dranaġġ jew mal-iskart domestiku. Staqsi lill-ispiżjar tiegħek dwar kif għandek tarmi mediċini li m’għadekx tuża. Dawn il-miżuri jgħinu għall-protezzjoni tal-ambjent.

6.Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra

X’fih Plenadren

Is-sustanza attiva hija hydrocortisone.

Plenadren 5 mg: Kull pillola li terħi l-mediċina b’mod modifikat fiha 5 mg ta’ hydrocortisone. Plenadren 20 mg: Kull pillola li terħi l-mediċina b’mod modifikat fiha 20 mg ta’ hydrocortisone.

Is-sustanzi l-oħra huma hypromellose (E464), ċelluluża mikrokristallina (E460), lamtu preġelatinizzat (qamħirrun), silika anidra kollojdali (E551) u magnesium stearate. Is-sistema ta’ kisi hija taħlita ta’ macrogol (3350), alkoħol polyvinyl, talc (E553b) u titanium oxide (E171). Il-pilloli ta’ 5 mg fihom ukoll iron oxide aħmar (E172), iron oxide isfar (E172) u iron oxide iswed (E172).

Kif jidher Plenadren u l-kontenut tal-pakkett

Il-pilloli li jerħu l-mediċina b’mod modifikat huma tondi (dijametru ta’ 8 mm) u konvessi. Il-pilloli ta’ 5 mg huma roża. Il-pilloli ta’ 20 huma bojod.

Plenadren jiġi fi fliexken b’għatu bil-kamin li fihom 50 pillola;

Daqsijiet tal-pakkett: Kartun li jkun fih flixkun wieħed ta’ 50 pillola li jerħu l-mediċina b’mod modifikat u pakketti multipli jista’ jkun fihom 2 fliexken ta’ 50 pillola (total ta’ 100 pillola li jerħu l- mediċina b’mod modifikat), 3 fliexken ta’ 50 pillola (total ta’ 150 pillola li jerħu l-mediċina b’mod modifikat), jew 6 fliexken ta’ 50 pillola (total ta’ 300 pillola li jerħu l-mediċina b’mod modifikat).

Jista’ jkun li mhux il-pakketti tad-daqsijiet kollha jkunu disponibbli fil-pajjiż tiegħek.

Detentur tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq u l-Manifattur

Shire Services BVBA Rue Montoyer 47

B - 1000 Brussels Il-Belġju

medinfoeuceemea@shire.com

Dan il-fuljett kien rivedut l-aħħar f’

Sorsi oħra ta’ informazzjoni

Informazzjoni dettaljata dwar din il-mediċina tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall-

Mediċini http://www.ema.europa.eu. Hemm ukoll links għal siti elettroniċi oħra dwar mard rari u kura.

Kummenti

A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z
  • Għajnuna
  • Get it on Google Play
  • Dwar
  • Info on site by:

  • Presented by RXed.eu

  • 27558

    Drogi ta’ preskrizzjoni elenkati