Maltese
A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z

Xenical (orlistat) – Sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott - A08AB01

Updated on site: 11-Oct-2017

Isem tal-MediċinaXenical
Kodiċi ATCA08AB01
Sustanzaorlistat
ManifatturCHEPLAPHARM Arzneimittel GmbH

1.ISEM IL-PRODOTT MEDIĊINALI

Xenical 120 mg kapsuli iebsa

2.GĦAMLA KWALITATTIVA U KWANTITATTIVA

Kull kapsula iebsa fiha 120 mg orlistat.

Għal-lista sħiħa ta’ eċċipjenti, ara sezzjoni 6.1.

3.GĦAMLA FARMAĊEWTIKA

Kapsula iebsa.

Il-kapsula għandha għatu ta’ lewn turkważ u l-kumplament ta’ lewn turkważ b’“XENICAL 120” stampat fuqha.

4.TAGĦRIF KLINIKU

4.1Indikazzjonijiet terapewtiċi

Xenical huwa indikat flimkien ma’ dieta ta’ kaloriji kemxejn baxxi għall-kura ta’ pazjenti ħoxnin iżżejjed b’indiċi tal-massa tal-ġisem (BMI - body mass index) aktar minn, jew daqs 30 kg/m², jew għall-pazjenti b’piż żejjed (BMI > 28 kg/m²) li għandhom ukoll fatturi ta’ riskju assoċjati magħhom.

Il-kura b’orlistat għandha titwaqqaf wara 12-il ġimgħa jekk il-pazjenti ma jkunux irnexxielhom inaqqsu mill-inqas 5 % mill-piż tal-ġisem kif imkejjel fil-bidu tat-terapija.

4.2Pożoloġija u metodu ta’ kif għandu jingħata

Adulti

Id-doża rakkomandata ta’ orlistat hi kapsula waħda ta’ 120 mg li tittieħed mal-ilma immedjatament qabel, waqt jew sa siegħa wara kull ikla prinċipali. Jekk tinqabeż xi ikla jew fil-każ ta’ ikla bla ebda xaħam, id-doża ta’ orlistat m’għandhiex tittieħed.

Il-pazjent irid ikun fuq dieta ta’ nutriment bilanċjat u b’kaloriji kemxejn baxxi li jkun fiha madwar

30 % tal-kaloriji minn xaħmijiet. Huwa rakkomandat li d-dieta għandha tinkludi ħafna frott u ħaxix. L- ammont ta’ xaħmijiet, karboidrati u proteini kkunsmati kuljum għandu jitqassam fuq tliet ikliet prinċipali.

Dożi ta’ orlistat aktar minn 120 mg tliet darbiet kuljum ma ntweriex li jipprovdu benefiċċju addizzjonali.

L-effett ta’ orlistat jirriżulta f’żieda ta’ xaħam fl-ippurgar sa minn 24 sa 48 siegħa wara li tittieħed id- doża. Kif titwaqqaf it-terapija, il-kontenut ta’ xaħam fl-ippurgar normalment jerġa’ lura għal-livelli ta’ qabel il-kura fi żmien 48 sa 72 siegħa.

Popolazzjonijiet speċjali

L-effett ta’ orlistat f’pazjenti b’indeboliment tal-fwied u/jew renali, tfal u pazjenti anzjani ma ġiex studjat.

M’hemm l-ebda użu rilevanti ta’ Xenical fit-tfal.

4.3

Kontraindikazzjonijiet

-

Sensittività eċċessiva għas-sustanza attiva jew għal kwalunkwe sustanza mhux attiva.

-

Sindrome kronika ta’ assorbiment ħażin.

-

Kolestasi

-

Treddigħ.

4.4

Twissijiet speċjali u prekawzjonijiet għall-użu

Fi provi kliniċi, it-tnaqqis fil-piż tal-ġisem bil-kura b’orlistat kien inqas f’pazjenti b’dijabete tat-tip II milli f’pazjenti li mhumiex dijabetiċi. Meta jkun qed jittieħed orlistat, kura bi prodotti mediċinali antidijabetiċi għandu mnejn ikollha bżonn tiġi monitorjata mill-qrib.

L-għoti ta’ orlistat flimkien ma’ ciclosporin mhux rakkomandat (ara sezzjoni 4.5).

Il-pazjenti għandhom jingħataw parir biex joqogħdu fuq ir-rakkomandazzjonijiet li jingħataw dwar id- dieta (ara sezzjoni 4.2).

Il-possibiltà ta’ esperjenza ta’ reazzjonijiet avversi gastro-intestinali (ara sezzjoni 4.8) tista’ tiżdied meta orlistat jittieħed flimkien ma’ dieta b’kontenut għoli ta’ xaħam (eż f’dieta ta’ 2000 kkal/jum, > 30 % tal-kaloriji mix-xaħam ifissru > 67 g ta’ xaħam). Il-konsum ta’ xaħam kuljum għandu jitqassam fuq tliet ikliet prinċipali. Jekk orlistat jittieħed ma’ ikla b’ħafna xaħam, il-possibbiltà ta’ reazzjonijiet gastro-intestinali avversi tista’ tiżdied.

Ġew rappurtati każijiet ta’ fsada mir-rektum b’Xenical. Dawk li jippreskrivu l-mediċina għandhom ikomplu jinvestigaw f’każ ta’ sintomi severi u/jew persistenti.

L-użu ta’ metodu kontraċettiv addizzjonali huwa rakkomandat biex jipprevjeni l-possibbiltà li kontraċezzjoni orali ma taħdimx, li tista’ isseħħ f’każ ta’ dijarea severa (ara sezzjoni 4.5).

Parametri tal-koagulazzjoni għandhom jiġu sorveljati f’pazjenti kkurati fl-istess waqt b’sustanzi kontra l-koagulazzjoni tad-demm (ara sezzjoni 4.5 u 4.8).

L-użu ta’ orlistat jista’ jkun assoċjat ma’ iperoxalurja u nefropatija kkawżata minn oxalate li kultant iwasslu għall-insuffiċjenza tal-kliewi. Dan ir-riskju jiżdied f’pazjenti b’mard kroniku tal-kliewi eżistenti u/jew tnaqqis fil-volum (ara sezzjoni 4.8).

Jista’ jkun hemm l-okkorrenza rari ta’ ipotirojdiżmu u/jew kontroll imnaqqas ta’ ipotirojdiżmu. Il- mekkaniżmu, għalkemm mhux ipprovat, jista’ jinvolvi assorbiment imnaqqas ta’ mluħa ta’ iodine u/jew ta’ levothyroxine (ara sezzjoni 4.5).

Pazjenti li jieħdu mediċini kontra l-epilessija: Orlistat jista’ jikkawża żbilanċ fil-kura kontra l- konvulżjonijiet billi jnaqqas l-assorbiment ta’ mediċini kontra l-epilessija u b’hekk iwassal għall- konvulżjonijiet (ara sezzjoni 4.5).

Antiretrovirali għall-HIV: Orlistat potenzjalment jista’ jnaqqas l-assorbiment ta’ mediċini antiretrovirali għall-HIV u jista’ jaffettwa b’mod negattiv l-effikaċja ta’ mediċini antiretrovirali għall- HIV (ara sezzjoni 4.5).

4.5Interazzjoni ma’ prodotti mediċinali oħra u forom oħra ta’ interazzjoni

Ciclosporin

Kien osservat tnaqqis fil-livelli ta’ ciclosporin fil-plażma fi studju dwar l-interazzjoni bejn mediċina u oħra u kien ukoll rappurtat f’diversi każijiet meta orlistat ingħata fl-istess waqt. Dan jista’ jwassal għal tnaqqis ta’ effikaċja immunosoppressiva. Għalhekk il-kombinazzjoni mhijiex rakkomandata (ara sezzjoni 4.4). Madankollu, jekk dan l-użu fl-istess waqt ma jistax jiġi evitat, għandu jsir monitoraġġ aktar frekwenti tal-livelli ta’ ciclosporin fid-demm kemm wara ż-żieda ta’ orlistat kif ukoll malli

jitwaqqaf orlistat f’pazjenti kkurati b’ciclosporin. Il-livelli ta’ ciclosporin fid-demm għandhom ikunu monitorjati sakemm dawn jiġu stabbilizzati.

Acarbose

Fin-nuqqas ta’ studji farmakokinetiċi dwar l-interazzjonijiet, l-għoti ta’ orlistat flimkien ma’ acarbose għandu jiġi evitat.

Sustanzi kontra l-koagulazzjoni li jittieħdu mill-ħalq

Meta warfarin jew xi sustanzi oħra kontra l-koagulazzjoni jingħataw flimkien ma’ orlistat, il-valuri ta’ proporzjon normalizzat internazzjonali (INR - international normalised ratio) għandhom jiġu monitorjati (ara sezzjoni 4.4).

Vitamini li jinħallu fix-xaħam

Kura b’orlistat għandu mnejn iddgħajjef l-assorbiment ta’ vitamini li jinħallu fix-xaħam (A, D, E u K). Fi studji kliniċi l-biċċa l-kbira tal-pazjenti li rċevew sa erba’ snin sħaħ ta’ kura b’orlistat kellhom livelli ta’ vitamini A, D, E u K u ta’ beta-carotene li baqgħu fil-firxa normali. Biex ikun żgurat nutriment adegwat, pazjenti fuq dieta għall-kontroll tal-piż għandhom jingħataw il-parir li jsegwu dieta b’ħafna frott u ħaxix u jista’ jiġi kkunsidrat l-użu ta’ suppliment ta’ multivitamini. Jekk ikun rakkomandat suppliment ta’ multivitamini, dan għandu jittieħed mill-inqas sagħtejn wara l-għoti ta’ orlistat jew qabel l-irqad.

Amiodarone

F’numru limitat ta’ voluntiera f’saħħithom li ħadu orlistat fl-istess waqt, kien osservat tnaqqis ħafif fil- livelli tal-plażma ta’ amiodarone, meta ngħata bħala doża waħda. F’pazjenti li jkunu qed jirċievu kura b’amiodarone, ir-rilevanza klinika ta’ dan l-effett għad mhix magħrufa iżda f’xi każijiet tista’ ssir klinikament rilevanti. F’pazjenti li jirċievu kura b’amiodarone fl-istess waqt, ir-rinforz ta’ monitoraġġ kliniku u ta’ ECG huwa ġġustifikat.

Kienu rrappurtati konvulżjonijiet f’pazjenti kkurati b’orlistat flimkien ma’ mediċini kontra l-epilessija eż. valproate, lamotrigine, li għalihom, relazzjoni kawżali għall-interazzjoni ma tistax tiġi eskluża. Għalhekk, dawn il-pazjenti għandhom jiġu ssorveljati għall-bidliet possibli fil-frekwenza u/jew fis- severità tal-konvulżjonijiet.

Jista’ jkun hemm l-okkorrenza rari ta’ ipotirojdiżmu u/jew kontroll imnaqqas ta’ ipotirojdiżmu. Il- mekkaniżmu, għalkemm mhux ipprovat, jista’ jinvolvi assorbiment imnaqqas ta’ mluħa ta’ iodine u/jew ta’ levothyroxine (ara sezzjoni 4.4).

Hemm xi rapporti ta’ każijiet ta’ effikaċja mnaqqsa ta’ mediċini antiretrovirali għall-HIV, antidepressanti, antipsikotiċi (inkluż lithium) u benzodiazepines li seħħew meta nbdiet kura b’orlistat f’pazjenti li qabel kienu kkontrollati tajjeb. Għalhekk kura b’orlistat għandha tinbeda biss wara konsiderazzjoni bir-reqqa tal-impatt possibbli f’dawn il-pazjenti.

Nuqqas ta’ interazzjonijiet

Ma ġewx osservati interazzjonijiet ma’ amitriptyline, atorvastatin, biguanides, digoxin, fibrates, fluoxetine, losartan, phenytoin, phentermine, pravastatin, Sistema Terapewtika Gastro-intestinali (GITS - Gastrointestinal Therapeutic System) ta’ nifedipine, nifedipine b’rilaxx bil-mod, sibutramine jew alkoħol. In-nuqqas ta’ dawn l-interazzjonijiet intwera fi studji speċifiċi dwar l-interazzjonijiet bejn mediċina u oħra.

In-nuqqas ta’ interazzjoni bejn kontraċettivi orali u orlistat intwera fi studji speċifiċi dwar l- interazzjoni bejn mediċina u oħra. Madankollu, orlistat jista’ indirettament inaqqas id-disponibiltà ta’ kontraċettivi orali u jwassal għal tqala mhux mistennija f’xi każijiet individwali. Metodu addizzjonali ta’ kontraċezzjoni huwa rakkomandat f’każ ta’ dijarea severa (ara sezzjoni 4.4).

4.6Fertilità, tqala u treddigħ

Għal orlistat m’hemmx tagħrif kliniku dwar l-użu waqt it-tqala.

Studji fuq il-bhejjem ma jurux effetti ħżiena diretti jew indiretti fuq it-tqala, fuq l-iżvilupp tal- embriju/fetu, ħlas jew żvilupp wara t-twelid (ara sezzjoni 5.3).

Wieħed għandu joqgħod attent meta jikteb riċetta għal din il-mediċina għal nisa tqal.

Peress li mhuwiex magħruf jekk orlistat jgħaddix fil-ħalib tas-sider uman, orlistat huwa kontraindikat waqt it-treddigħ.

4.7Effetti fuq il-ħila biex issuq u tħaddem magni

Xenical m’għandu l-ebda effett fuq il-ħila biex issuq u tħaddem magni.

4.8Effetti mhux mixtieqa

Reazzjonijiet avversi għal orlistat fil-biċċa l-kbira huma ta’ natura gastro-intestinali. L-inċidenza ta’ reazzjonijiet avversi naqset bl-użu fit-tul ta’ orlistat.

Avvenimenti avversi huma mniżżla taħt skont il-klassi tas-sistemi u tal-organi u l-frekwenza. Il- frekwenzi huma definiti bħala: komuni ħafna (1/10), komuni (1/100 sa <1/10), mhux komuni (1/1,000 sa <1/100), rari (1/10,000 sa <1/1,000) u rari ħafna (<1/10,000) inkluż rapporti iżolati.

F’kull sezzjoni ta’ frekwenza, l-effetti mhux mixtieqa għandhom jitniżżlu skont is-serjetà tagħhom bl- aktar serji jitniżżlu l-ewwel.

It-tabella li ġejja ta’ effetti mhux mixtieqa (fl-ewwel sena ta’ kura) hi bbażata fuq reazzjonijiet avversi

li seħħew bi frekwenza ta’ > 2 % u b’inċidenza ta’ ≥ 1 % aktar mill-plaċebo waqt provi kliniċi li damu sena u sentejn:

Klassi tas-sistemi u tal-organi

Reazzjoni/avveniment avvers

Disturbi fis-sistema nervuża

Komuni ħafna: Uġigħ ta’ ras

Disturbi respiratorji, toraċiċi u medjastinali

Komuni ħafna: Infezzjoni fl-apparat respiratorju ta’ fuq

Komuni: Infezzjoni fl-apparat respiratorju t’isfel

Disturbi gastro-intestinali

Komuni ħafna: Uġigħ/skonfort addominali Tbajja’ żejtnin mir-rektum Gass bil-ħruġ ta’ purgar

Tħoss ħtieġa urġenti biex tmur tipporga Purgar xaħmi/żejtni

Gass

Purgar likwidu Purgar ta’ żejt

Purgar aktar ta’ spiss

Komuni: Uġigħ/skonfort fir-rektum

Purgar artab

Purgar mhux ikkontrollat

Nefħa addominali*

Disturbi fis-snien

Distubi ġinġivali

Disturbi fil-kliewi u fis-sistema urinarja

Komuni: Infezzjoni fl-apparat tal-awrina

Disturbi fil-metaboliżmu u n-nutrizzjoni

Komuni ħafna: Ipogliċemija*

Infezzjonijiet u infestazzjonijiet

Komuni ħafna: Influwenza

Disturbi ġenerali u kondizzjonijiet ta’ mnejn jingħata

Komuni: Għeja

Disturbi fis-sistema riproduttiva u fis-sider

Komuni: Mestrwazzjoni irregolari

Disturbi psikjatriċi

Komuni: Ansjetà

*Effetti avversi u uniċi tal-kura li seħħew bi frekwenza ta’ > 2 % u b’inċidenza ta’ ≥ 1 % aktar mill- plaċebo f’pazjenti ħoxnin iżżejjed b’dijabete tat-tip 2 biss.

Fi prova klinika ta’ 4 snin, ix-xejra ġenerali f’dak li hu tqassim ta’ effetti avversi kienet simili għal dik irrappurtata għall-istudji ta’ sena waħda u sentejn bl-inċidenza totali ta’ effetti avversi relatati mal- apparat gastro-intestinali li seħħew fl-ewwel sena jonqsu minn sena għal oħra fil-perjodu ta’ erba’ snin.

It-tabella ta’ effetti mhux mixtieqa li ġejja hi bbażata fuq rapporti spontanji wara t-tqegħid fis-suq, u għalhekk il-frekwenza għadha mhix magħrufa:

Klassi tas-sistemi u tal-organi

Reazzjoni avversa

 

 

Investigazzjonijiet

Żieda fit-transaminases u fl-alkaline phosphatase

 

 

tal-fwied.

 

Tnaqqis fil-prothrombin, żieda fl-INR u kura

 

mhux bilanċjata kontra l-koagulazzjoni li

 

tirriżulta f’varjazzjonijiet tal-parametri

 

emostatiċi kienu rrappurtati f’pazjenti kkurati

 

b’sustanzi kontra l-koagulazzjoni f’assoċjazzjoni

 

ma’ orlistat (ara sezzjoni 4.4 u 4.5)

Disturbi gastro-intestinali

Fsada mir-rektum

 

Divertikulite

 

Pankreatite

Disturbi fil-ġilda u fit-tessuti ta’ taħt il-ġilda

Eruzzjonijiet bullużi (imsiemer)

 

 

 

Disturbi fis-sistema immuni

Sensittività eċċessiva (eż. ħakk, raxx, urtikarja,

 

 

anġjoedima, bronkospażmu u anafilassi)

 

 

Disturbi fil-fwied u fil-marrara

Kolelitjasi

 

 

Epatite li għandha mnejn tkun serja. Kienu

 

rrappurtati xi każijiet fatali jew każijiet li

 

jeħtieġu trapjant tal-fwied.

Disturbi fil-kliewi u fis-sistema urinarja

Nefropatija kkawżata minn oxalate li tista’

 

twassal għall-insuffiċjenza tal-kliewi

 

 

Rappurtar ta’ reazzjonijiet avversi suspettati

Huwa importanti li jiġu rrappurtati reazzjonijiet avversi suspettati wara l-awtorizzazzjoni tal-prodott mediċinali. Dan jippermetti monitoraġġ kontinwu tal-bilanċ bejn il-benefiċċju u r-riskju tal-prodott mediċinali. Il-professjonisti tal-kura tas-saħħa huma mitluba jirrappurtaw kwalunkwe reazzjoni avversa suspettata permezz tas-sistema ta’ rappurtar nazzjonali imniżżla f’Appendiċi V*.

4.9Doża eċċessiva

Dożi waħedhom ta’ 800 mg orlistat u dożi multipli sa 400 mg tliet darbiet kuljum għal 15-il ġurnata ġew studjati f’individwi ta’ piż normali u f’individwi ħoxnin iżżejjed mingħajr sejbiet avversi sinifikanti. Barra dan, dożi ta’ 240 mg t.i.d. ġew mogħtija għal 6 xhur lill-pazjenti ħoxnin iżżejjed. Il- biċċa l-kbira ta’ każijiet ta’ dożi eċċessivi ta’ orlistat irrappurtati wara t-tqegħid fis-suq jew ma rrappurtaw l-ebda effetti avversi jew irrappurtaw effetti avversi li huma simili għal dawk irrappurtati bid-doża rakkomandata.

Jekk iseħħ każ ta’ doża eċċessiva sinifikanti ta’ orlistat, huwa rakkomandat li l-pazjent jiġi osservat għal 24 siegħa. Abbażi ta’ studji fuq il-bnedmin u l-annimali, kull effett sistemiku attribwibbli għall- kwalitajiet li jimpedixxu l-lipase ta’ orlistat għandu jkun riversibbli malajr.

5.PROPRJETAJIET FARMAKOLOĠIĊI

5.1Proprjetajiet farmakodinamiċi

Kategorija farmakoterapewtika: Sustanza kontra l-ħxuna żejda li taħdem fil-periferija, Kodiċi ATC A08AB01.

Orlistat huwa impeditur potenti, speċifiku u li jaħdem fit-tul ta’ lipases gastro-intestinali. Jeżerċita l- attività terapewtika tiegħu fil-lumen tal-istonku u tal-musrana ż-żgħira billi jifforma rabta kovalenti mas-sit serine attiv tal-lipases gastriċi u tal-frixa. B’hekk l-enzima mhux attivata ma tkunx disponibbli biex tidrolizza x-xaħam tad-dieta, fl-għamla ta’ trigliċeridi, f’aċidi tax-xaħam ħielsa u monogliċeridi li jistgħu jiġu assorbiti.

Fl-istudji ta’ sentejn u f’dak ta’ erba’ snin, ġiet użata dieta b’kaloriji baxxi flimkien ma’ kura kemm fil-gruppi kkurati b’orlistat kif ukoll f’dawk bil-plaċebo.

Tagħrif li nġabar minn ħames studji ta’ sentejn-il wieħed b’orlistat u dieta b’kolariji baxxi wera li 37 % tal-pazjenti fuq orlistat u 19 % tal-pazjenti fuq plaċebo wrew tnaqqis ta’ mill-inqas 5 % tal-piż tal-ġisem tagħhom fil-linja bażi wara 12-il ġimgħa ta’ kura. Minn dawn, 49 % tal-pazjenti kkurati b’orlistat u 40 % tal-pazjenti kkurati bil-plaċebo komplew biex naqqsu ≥ 10 % tal-piż tal-ġisem

tagħhom fil-linja bażi wara sena waħda. Għall-kuntrarju, mill-pazjenti li ma rnexxilhomx juru tnaqqis ta’ 5 % tal-piż tal-ġisem tagħhom fil-linja bażi wara 12-il ġimgħa ta’ kura, 5 % biss tal-pazjenti kkurati b’orlistat u 2 % biss tal-pazjenti kkurati bil-plaċebo spiċċaw biex naqqsu ≥ 10 % tal-piż tal-ġisem tagħhom fil-linja bażi wara sena. Meħudin flimkien, wara sena ta’ kura, il-perċentwal ta’ pazjenti li kienu qed jieħdu 120 mg ta’ orlistat li naqqsu 10 % jew aktar mill-piż tal-ġisem tagħhom kien 20 % b’orlistat 120 mg meta mqabbel ma’ 8 % tal-pazjenti fuq il-plaċebo. Id-differenza medja fit-tnaqqis ta’ piż bil-mediċina meta mqabbel mal-plaċebo kienet ta’ 3.2 kg.

Tagħrif mill-prova klinika ta’ 4 snin XENDOS wera li 60 % tal-pazjenti fuq orlistat u 35 % tal- pazjenti fuq plaċebo wrew tnaqqis ta’ mill-inqas 5 % tal-piż tal-ġisem tagħhom fil-linja bażi wara 12-il ġimgħa ta’ kura. Minn dawn, 62 % tal-pazjenti kkurati b’orlistat u 52 % tal-pazjenti kkurati bil- plaċebo komplew biex naqqsu ≥ 10 % tal-piż tal-ġisem tagħhom fil-linja bażi wara sena. Għall- kuntrarju, mill-pazjenti li ma rnexxilhomx juru tnaqqis ta’ 5 % tal-piż tal-ġisem tagħhom fil-linja bażi wara 12-il ġimgħa ta’ kura, 5 % biss tal-pazjenti kkurati b’orlistat u 4 % biss tal-pazjenti kkurati bil- plaċebo spiċċaw biex naqqsu ≥ 10 % tal-piż tal-ġisem tagħhom fil-linja bażi wara sena. Wara sena ta’ kura, 41 % tal-pazjenti kkurati b’orlistat kontra 21 % tal-pazjenti kkurati bil-plaċebo naqqsu ≥ 10 % mill-piż b’differenza medja ta’ 4.4 kg bejn iż-żewġ gruppi. Wara 4 snin ta’ kura 21 % tal-pazjenti kkurati b’orlistat imqabbla ma’ 10 % tal-pazjenti kkurati bil-plaċebo kienu naqqsu ≥ 10 % tal-piż tal-

ġisem, b’differenza medja ta’ 2.7 kg.

Aktar pazjenti fuq orlistat jew plaċebo tilfu piż tal-ġisem tagħhom fil-linja bażi ta’ mill-inqas 5 % wara 12-il ġimgħa jew 10 % wara sena fl-istudju XENDOS milli fil-ħames studji ta’ sentejn. Ir-raġuni għal din id-differenza hi li l-ħames studji ta’ sentejn kienu jinkludu perjodu fil-bidu ta’ 4 ġimgħat dieta u plaċebo li matulu l-pazjenti tilfu medja ta’ 2.6 kg qabel il-bidu tal-kura.

Tagħrif mill-prova klinika ta’ 4 snin kien jindika wkoll li t-tnaqqis tal-piż miksub b’orlistat ittardja l- iżvilupp ta’ dijabete tip 2 matul l-istudju (inċidenza kumulattiva ta’ każijiet ta’ dijabete: 3.4 % fil- grupp ta’ orlistat meta mqabbel ma’ 5.4 % fil-grupp ikkurat bil-plaċebo). Il-parti l-kbira tal-każijiet ta’ dijabete ġew mis-sottogrupp ta’ pazjenti b’tolleranza mnaqqsa ta’ glukosju fil-linja bażi, li rrappreżentaw 21 % tal-pazjenti randomised. Mhuwiex magħruf jekk dawn is-sejbiet jistgħux jiġu meħuda bħala benefiċċji kliniċi fuq perjodu ta’ żmien twil.

F’pazjenti ħoxnin iżżejjed u b’dijabete tip 2 mhux ikkontrollati biżżejjed b’sustanzi antidijabetiċi, tagħrif minn erba’ provi kliniċi ta’ sena wera li l-perċentwal ta’ dawk li jirrispondu għall-kura (tnaqqis

ta’ 10 % tal-piż tal-ġisem) kien ta’ 11.3 % b’orlistat meta mqabbel ma’ 4.5 % bil-plaċebo. F’pazjenti kkurati b’orlistat, id-differenza medja mill-plaċebo fit-tnaqqis tal-piż kienet 1.83 kg sa 3.06 kg u d-

differenza medja mill-plaċebo fit-tnaqqis ta’ HbA1c kienet 0.18 % sa 0.55 %. Ma ntweriex li l-effett fuq HbA1c huwa indipendenti minn tnaqqis ta’ piż.

Fi studju b’aktar minn ċentru wieħed (US u Kanada), bi grupp parallel, double-blind, ikkontrollat bil- plaċebo, 539 pazjenti adolexxenti ħoxnin iżżejjed kienu randomised biex jirċievu 120 mg orlistat (n=357) jew plaċebo (n=182) tliet darbiet kuljum bħala żieda ma’ dieta ta’ kaloriji baxxi u eżerċizzju għal 52 ġimgħa. Iż-żewġ popolazzjonijiet irċevew supplimenti ta’ multivitamini. Il-punt finali primarju kien il-bidla fl-indiċi tal-massa tal-ġisem (BMI - body mass index) mil-linja bażi sa l-aħħar tal-istudju.

Ir-riżultati kienu sostanzjalment aħjar fil-grupp ta’ orlistat (differenza fil-BMI ta’ 0.86 kg/m2 favur orlistat). 9.5 % tal-pazjenti kkurati b’orlistat kontra 3.3 % tal-pazjenti li ħadu plaċebo naqqsu ≥ 10 % tal-piż tal-ġisem wara sena b’differenza medja ta’ 2.6 kg bejn iż-żewġ gruppi. Id-differenza kienet aċċentwata bir-riżultat tal-grupp ta’ pazjenti bi tnaqqis ta’ ≥ 5 % tal-piż wara 12-il ġimgħa ta’ kura b’orlistat li jirrappreżenta 19 % tal-popolazzjoni tal-bidu. L-effetti sekondarji ġeneralment kienu bħal dawk osservati f’adulti. Madankollu, kien hemm żieda li ma setgħetx tiġi spjegata fl-inċidenza ta’ ksur ta’ għadam (6 % kontra 2.8 % fil-gruppi ta’ orlistat u plaċebo, rispettivament).

5.2Tagħrif farmakokinetiku

Assorbiment

Studji fuq voluntiera ta’ piż normali u oħrajn ħoxnin iżżejjed urew li l-assorbiment ta’ orlistat kien minimu. Konċentrazzjonijiet fil-plażma ta’ orlistat intatt ma setgħux jiġu mkejla (< 5 ng/ml) tmien sigħat wara l-għoti orali ta’ orlistat.

Ġeneralment, f’dożi terapewtiċi, l-osservazzjoni ta’ orlistat intatt fil-plażma kienet sporadika u l- konċentrazzjonijiet kienu baxxi ferm (< 10 ng/ml jew 0.02 µmol), bl-ebda sinjal ta’ akkumulazzjoni, li hija konsistenti ma’ assorbiment minimu.

Distribuzzjoni

Il-volum ta’ distribuzzjoni ma jistax jiġi stabbilit għaliex il-mediċina tiġi assorbita minimament u m’għandha l-ebda farmakokinetika sistemika definita. Orlistat in vitro huwa > 99 % marbut ma’ proteini tal-plażma (lipoproteini u albumina kienu l-aktar proteini li jintrabtu). Orlistat jinqasam minimament f’eritroċiti.

Metaboliżmu

Fuq il-bażi ta’ tagħrif minn annimali, aktarx li l-metaboliżmu ta’ orlistat iseħħ l-aktar fil-ħajt gastro- intestinali. Fuq il-bażi ta’ studju fuq pazjenti ħoxnin iżżejjed, mill-parti żgħira ħafna tad-doża assorbita sistematikament, żewġ metaboliti ewlenin, M1 (4-member lactone ring hydrolysed) u M3 (M1 ma’ N- formyl leucine moiety cleaved), ammontaw għal madwar 42 % tal-konċentrazzjoni totali fil-plażma.

M1 u M3 għandhom ċirku miftuħ ta’ beta-lactone u attività inibitorja ta’ lipase estremament dgħajfa (1000 u 2500 darba inqas minn orlistat rispettivament). Minħabba din l-attività inibitorja baxxa u l- livelli baxxi fil-plażma f’dożi terapewtiċi (medja ta’ 26 ng/ml u 108 ng/ml rispettivament), dawn il- metaboliti huma kkunsidrati farmakoloġikament bla ebda importanza.

Eliminazzjoni

Studji fuq individwi ta’ piż normali u oħrajn ħoxnin iżżejjed urew li t-tneħħija fl-ippurgar tal-mediċina mhux assorbita kienet ir-rotta ewlenija tal-eliminazzjoni. Madwar 97 % tad-doża li tkun ingħatat tneħħiet mal-ippurgar u 83 % minn dan kien orlistat mhux mibdul.

It-tneħħija kumulattiva mill-kliewi tal-materjal kollu relatat ma’ orlistat kienet ta’ < 2 % tad-doża mogħtija. Iż-żmien biex tintlaħaq tneħħija totali (purgar u awrina) kien ta’ 3 sa 5 ijiem. Id- dispożizzjoni ta’ orlistat dehret li kienet simili bejn voluntiera b’piż normali u dawk ħoxnin iżżejjed. Orlistat, M1 u M3 kollha huma suġġetti għall-eliminazzjoni mill-marrara.

5.3Tagħrif ta' qabel l-użu kliniku dwar is-sigurtà

Tagħrif mhux kliniku ibbażat fuq studji konvenzjonali ta’ sigurtà farmakoloġika, effett tossiku minn dożi ripetuti, effett tossiku fuq il-ġeni, riskju ta’ kanċer, u effett tossiku fuq is-sistema riproduttiva, ma juri l-ebda periklu speċjali għall-bnedmin.

Fi studji dwar ir-riproduzzjoni fl-annimali, ma ġie osservat l-ebda effett teratoġeniku. Fin-nuqqas ta’ effett teratoġeniku fl-annimali, mhuwiex mistenni xi effett ta’ malformazzjoni fil-bniedem. Sa llum, meta studji twettqu kif għandu jkun fuq żewġ speċi nstab li sustanzi attivi li kkaġunaw malformazzjonijiet fil-bniedem kienu teratoġeniċi fl-annimali.

6.TAGĦRIF FARMAĊEWTIKU

6.1Lista ta’ eċċipjenti

Mili fil-kapsula: microcrystalline cellulose (E460) sodium starch glycolate (tip A) povidone (E1201)

sodium laurilsulfate talkum

Qoxra tal-kapsula: gelatine

indigo karminju (E132) titanium dioxide (E171)

linka li tista’ tittiekel għall-istampar (iron oxide iswed, soluzzjoni konċentrata ta’ ammonia, potassium hydroxide, shellac, propylene glycol)

6.2Inkompatibbiltajiet

Mhux applikabbli.

6.3Żmien kemm idum tajjeb il-prodott mediċinali

3 snin.

6.4Prekawzjonijiet speċjali għall-ħażna

Folji: Taħżinx f’temperatura ’l fuq minn 25 °C. Aħżen fil-pakkett oriġinali u żomm il-folja fil-kartuna ta’ barra sabiex tilqa’ mid-dawl u mill-umdità.

Fliexken: Taħżinx f’temperatura ’l fuq minn 30 °C. Żomm il-kontenitur magħluq sewwa biex tilqa’ mill-umdità.

6.5In-natura tal-kontenitur u ta’ dak li hemm ġo fih

Folji tal-PVC/PVDC li fihom 21, 42 u 84 kapsula iebsa.

Fliexken tal-ħġieġ b’desikkant li fihom 21, 42 u 84 kapsula iebsa.

Jista’ jkun li mhux il-pakketti tad-daqsijiet kollha jkunu fis-suq.

6.6Prekawzjonijiet speċjali għar-rimi

L-ebda ħtiġijiet speċjali.

7.DETENTUR TAL-AWTORIZZAZZJONI GĦAT-TQEGĦID FIS-SUQ

CHEPLAPHARM Arzneimittel GmbH

Ziegelhof 24

17489 Greifswald

Il-Ġermanja

8.NUMRU(I) TAL-AWTORIZZAZZJONI GĦAT-TQEGĦID FIS-SUQ

EU/1/98/071/001-006

9.DATA TAL-EWWEL AWTORIZZAZZJONI/TIĠDID TAL-AWTORIZZAZZJONI

Data tal-ewwel awtorizzazzjoni: 29 ta’ Lulju 1998

Data tal-aħħar tiġdid: 29 ta’ Lulju 2008

10.DATA TA’ REVIŻJONI TAT-TEST

Informazzjoni dettaljata dwar dan il-prodott mediċinali tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini http://www.ema.europa.eu

Kummenti

A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z
  • Għajnuna
  • Get it on Google Play
  • Dwar
  • Info on site by:

  • Presented by RXed.eu

  • 27558

    Drogi ta’ preskrizzjoni elenkati